Ivan Castillo | Id-differenza hija ċara
Id-differenza hija ċara. Il-programm tal-PN huwa mibni fuq dak li għidtulna intom u għalhekk jaħseb bis-serjeta’ kif ser inkunu qed intejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin
minn Ivan Castillo
Ħbieb, ippermettuli ftit spazju sabiex fi ftit kliem nuri d-differenza ċara bejn iż-żewġ partiti fejn jidħlu l-proposti għall-Elezzjoni Ġenerali 2022.
Hekk kif tħabbret l-elezzjoni, il-PN kellu l-programm elettorali bi proposti konkreti lest. Kien lest għax flimkien ma mijiet ta’ Maltin u Għawdxin minn kull qasam tal-ħajja smajn u tajna każ dak li għidtulna intom. U kif tistgħu taraw, il-proposti huma kollha ġejjin minn għandkom. Għax il-proposti għamiltuhom intom.
Kuntrarjament, Robert Abela, għax jidher ċar li kollox idur miegħu u l-arma tal-PL ma tidher imkien, saffar is-suffara mingħajr ma kellu l-proposti lesti. Kellhom jistennew sakemm ippublikat dak tal-PN sabiex jifluh u jikkupjaw kemm jifilħu. U ħarġu bil-programm elettorali ġimgħatejn biss qabel il-ġurnata tal-elezzjoni!
Filwaqt li aħna nwiegħdu li bil-fatti niġġieldu l-korruzzjoni, fi proposta nru. 904 tal-PL qalulna li ser ikunu qed jagħmlu “...strateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u l-integrita’ ...” . Aħna nafu li għalihom diffiċli li jisbu nies integri u serji sabiex imexxu lil dan il-pajjiż. Tant hi diffiċli li diġa’ qalulna iswed fuq l-abjad li ser ikunu qed jiġġieldu l-integrita’! Lanqas biss jistħu.
Il-programm elettorali tal-Lejber fih ukoll battuti ħelwin bħal proposta nru.905 li tgħid li ser “...isaħħu iktar l-istandards fil-ħajja pubblika...”. Lanqas hemm għalfejn nikkumenta fuq Gvern li lanqas jaf fejn toqgħd id-diċenza.
Tiftakruha l-pompa li biha l-Gvern ta’ Robert Abela nieda l-istudju li sewa’ lill-familji Maltin viċin it-€3 miljun dwar il-metro li qalu li jridu jagħmlu. Tajjeb ngħidu li din il-proposta saret iktar qabel fl-2017 mill-PN, bi studju serju u mirqum u li sewa’ ferm u ferm inqas mill-istudju imniedi minn dan il-Gvern. Dak iż-żmien tgħidx kemm daħqu u ġabu lil min jidħaq!
Tiftakru t-tinda li ramaw f’Bieb il-Belt? Tiftakru li kien hemm turisti li daħlu fit-tinda għax kien mingħalihom li se jaqbdu t-tram u jivjaġġaw biha u baqgħu b’xiber imnieħer għax ma sabu xejn ħlief ritratti sbieħ.
U l-pajjiż kollu jidher li ser jibqa’ b’xiber imnieħer għax issa qalulna li l-metro issir biss jekk jaraw li tkun finanzjarjament vijabbli u ssir wara 20 sena bi spiża esorbitanti ta’ iktar minn €6 biljun u taqdi biss 21 raħal u belt f’Malta. Mal-proposta tal-PL hemm marbuta żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, żieda fil-liċenzji tas-sewqan u parkeġġi fit-triq bi ħlas u ġenerazzjoni ta’ enormi ta’ skart tal-kostruzzjoni li ser jintefa’ fil-baħar. Din hija iswed fuq l-abjad il-proposta tal-Lejber.
Għal kuntrarju il-propsta tal-PN hija iktar nadifa, tiswa €2 biljun u se titlesta f’ħames snin. Ser tilħaq 48 raħal u belt u mhux ser tkun qed tiġġenera skart tal-kostruzzjoni. U din hija wegħda li ser inwettqu żgur sabiex nindirizzaw il-problema tat-trtaffiku f’pajjiżna. Sistema li ser tkun effiċjenti għax trid verament tkun alternattiva għat-trasport privat. Ma din il-proposta hemm marbuta inizjattiva li jekk tirrinunzja l-vettura tiegħek intuk €10,000.
Tiftakruha wkoll kemm għaddew żmien bil-PN għax waħda mill-proposti tagħna hi li sabiex intejjbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawk il-pazjenti morda bil-kanċer, il-kimoterapja tkun provduta anke fid-djar. Issa qalulna li din hija wegħda tagħhom ukoll! Xi ħadd induna li tista’ ssir u nkuldewha fil-programm elettorali!
Qalulna wkoll fi propsta nru. 174, li kuntrarjament għall-PN, ser ikunu qed jiġbru lura l-wage supplement minn għand min iħaddem. Aħna l-għajnuna nagħtuielek biex ngħinuk mhux biex indejjnuk.
Kuntrarjament għall-PL, il-PN fi propsta nru. 257, qed iwiegħed li d-Dwana, abbażi li x-xogħol tagħha huwa parti integrali mill-ġlieda kontra l-kriminalita’ ser tkun rikonoxxuta bħala korp dixxiplinat u allura jidħlu fis-seħħ il-25 sena servizz bil-benefiċċji kollha li ser inkunu qed noffru lil-Korp tal-Pulizija.
U l-PN qed jaħseb ukoll f’dawk li jikru l-proipjeta’ tagħhom għall-skopijiet soċjali mhux ser ikunu jħallsu taxxa fuq il-kera, filwaqt li ser inkunu qed ngħinu lil dawk li ma jkunux jistgħu jħallsu d-depożitu ta’ 10%, billi l-Gvern jislef sa massimu ta’ €20,000 liema self jitħallas lura fi żmien 30 sena. Ser inkunu qed ngħinu lil first time buyers billi nirrifondu 50% tal-interessi mħallsa fuq l-ewwel ħames snin minn min jixtri li jinkludu wkoll separati u divorzjati. Fi kliem sempliċi min ikollu self ta €250,000 għal 40 sena ser ikun qed jirċievi mat €12,000 ewro lura fuq l-ewwel ħames snin. Din hi d-differenza bejna tal-Partit Nazzjonalista u bejn Robert Abela!
Ser inkunu qed inqisu lil dawk li jisseparaw jew jiddivorzjaw u li jkollhom bżonn jixtru propjeta’, bħala first time buyers. Għax aħna nifhmu t-tbatijiet li dawn is-sitwazzjonijiet iġibu magħhom.
Dan apparti li ser inkunu qed ninvestu bis-saħħa kollha sabiex inwaqqfu 10 pilastri ekonomiċi ġodda li fuqhom isserraħ l-ekonomija Maltija, filwaqt li nsaħħu dak li invstejna fih f’ leġiżlaturi immexxijja mill-PN meta waqqafna s-setturi finanzjarji, s-settur tat-tiswija tal-ajruplani, il-qasam tal-cruise liners, l-informatika, l-igaming u t-tisħiħ tal-qasam turistiku. Mhux ser inbiegħu ruħna sabiex indaħħlu l-flus! Il-passat tagħna huwa garanzija li l-proposti tagħna jkunu fit-tul, u jassiguraw pagi tajbin lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Id-differenza hija ċara. Il-programm tal-PN huwa mibni fuq dak li għidtulna intom u għalhekk jaħseb bis-serjeta’ kif ser inkunu qed intejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Issa jmiss lilkom tgħinuna sabiex dan il-programm jidħol fis-seħħ mill-għada tal-Elezzjoni.