Clint Camilleri | Malta Flimkien
Il-Poplu Għawdxi u Malti jaf li dak imwiegħed min dan il-Gvern ma jibqax fqu il-karta imma jiġi implimentat
minn Clint Camilleri
Ninsabu anqas minn ġimgħa bogħod mid-data tal-Elezzjoni Ġenerali. Data importanti kif ukoll mistennija fejn il-poplu, fl-akbar eżerċizzju demokratiku u sovran, ser jagħżel lil min jixtiequ li jmexxieh tul il-ħames snin li ġejjin.
Għall-Partit Laburista, l-elezzjoni tfisser tiġdid tal-politika biex flimkien inkomplu nkattru l-ġid. Ġid li qed jolqot lil kulħadd minkejja l-isfida bla preċedent li iffaċjajna bil-pandemija u li issa qed naraw bil-konfront imdemmi li għaddej fl-Ukrajna. Iżda minkejja dan kollu, speċjalment tul il-pandemija, il-Gvern taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela wettaq riformi bla preċedent f’bosta setturi. Gvern li baqa’ ffukat f’ħidmietu u kompla jkattar il-ġid u jwennes lill-familji.
Gvern li implementa numru ta’ miżuri li qed iħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies. Qassamna l-vouchers fl-aktar mument li kellna bżonn. Gvern li ħadem bil-għaqal u ħabbar l-aktar baġit soċjali b’numru ta’ għajnuniet immirati lejn l-anzjani, persuni b’diżabilità, familji bl-aktar dħul baxx, żgħażagħ li jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, koppji li jirrikorru għall-IVF, filwaqt li ħdimna fuq il-Governanza tajba u s-saltna tad-dritt.
Fuq in-naħa l-oħra rajna partit ankrat, li huwa maħkum minn gruppi żgħar li jiddettaw l-aġenda huma u ġabu lill-Kap tal-PN b’idejh marbuta u ma jistax jieħu d-deċiżjonijiet li jrid. Internament tidher u tinħass il-qasma ta’ ħafna klikek li ma jħalluhomx jiffukaw fuq il-ħidma politika. Tant hi kbira il-kilba għall-poter li ħlew leġislatura sħiħa jiġġieldu bejniethom minflok kienu fuq in-naħa tal-Gvern meta l-aktar li kien hemm bżonn biex jitħares il-ġid nazzjonali.
Tajjeb li ma ninsewx li waqt il-qofol tal-Pandemija, dawn l-istess nies li illum iridu jmexxu lill-pajjiżna, kienu mehdija kif ser itajru Kap maħtur leġittimament mit-tesserati biex floku jaħtru persuna li jirrepeti biss l-aġenda tagħhom. Kellom żmien biżżejjed biex jaħdmu fuq programm elettorali konkret imma dan ma għamluhx għax ħlew l-enerġija tagħhom fuq affarijiet oħra: kif ser iżommu kontroll tal-Partit tagħhom.
Il-Partit Laburista ħejja program elettorali ambizzjuż, b’ 1000 proposta konkreta, studjati u fattibbli biex fiż-żmien li ġej ikompli jibni fuq it-tajjeb u ntejbu aktar il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Il-Poplu Għawdxi u Malti jaf li dak imwiegħed min dan il-Gvern ma jibqax fuq il-karta imma jiġi implementat.
Iż-żagħżagħ dejjem kienu prijorità għal dan il-Partit u dan il-Gvern se jkompli jgħin liż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba, billi fuq medda ta’ għaxar snin, il-Gvern iħallas €10,000 mill-pagament tas-self.
Proposti oħra ambizzjuża hi dik biex insebbħu l-ambjent ta’ madwarna. Partit Laburista fil-Gvern se jkun qiegħed jinvesti €700 miljun għal spazji ħodor filwaqt li se jiddaħħal il-kunċett tar-riklamazzjoni tal-art urbana, parkeġġi taħt l-art u l-introduzzjoni ta’ żoni pedonali f’kull lokalità għal tal-anqas fi tmiem il-ġimgħa.
Bħala Gvern, ser inkunu qed inħarsu ‘l quddiem biex iċ-ċentru tal-Belt Victoria jinbidel fi spazju kbir miftuħ u li jitgawda minn kulħadd. Permezz ta’ dan l-istess proġett ser inkun qed nindirizzaw waħda mill-akbar problemi li għandna fir-Rabat, dik tal-parkeġġ fejn ser noħolqu multi level car park taħt l-art, bi spazju miftuħ fuq li jkun jista’ jitgawda mill-familji kollha.
Partit Laburista fil-Gvern se jkun qiegħed inaqqas it-taxxa tad-dħul li se tħalli medja ta’ €300 fis-sena lil kull ħaddiem. Din il-miżura se tingħaqad mal-€24 miljun f’rifużjoni ta’ taxxa u d-€90 miljun fis-sena sostenn lill-ħaddiema u s-self-employed.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-ġenituri mhux se jħallsu taxxa fuq dħul sal-ewwel €12,000 filwaqt li t-taxxa kummerċjali tinżel minn 35% għal 25%.
Bħas-soltu, dan il-Gvern, bil-fatti, għandu għal qalbu l-anzjani u anke hawnhekk, il-Prim Ministru wiegħed li se jiżdiedu l-pensjonijiet bi €15 fil-ġimgħa tul il-leġislatura u se jirċievu l-mediċini b’xejn. L-anzjani jafu fejn huma mall-Partit Laburista għaliex tul dawn l-aħħar snin esperjenzaw żieda wara l-oħra fil-pensjonijiet u benefiċji li jirċievu u dan għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, li kien iffriża l-pensjonijiet u nesa lill-anzjani tagħna.
Il-messaġġ tiegħi hu wieħed ta’ tama u kuraġġ biex f’dawn il-ftit jiem li għad baqa', inkomplu ilkoll naħdmu u nikkonvinċu aktar nies li t-triq ‘l quddiem hi assigurata bit-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela fit-tmun tal-pajjiż.
Irridu nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna biex jimirħu u jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom. Inkomplu nkattru aktar ġid li jilħaq lil kulħadd. Lin-negozjanti ngħinuhom ikabbru n-negozzju tagħhom biex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol sostenibbli. Irridu li l-anzjani tagħna jibqgħu igawdu l-pensjoni tagħhom u jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan huwa li rridu nwettqu fiż-żmien li ġej.
Dan jista' jsir jekk ningħaqdu wara l-Prim Ministru Robert Abela u naħdmu għall-Malta flimkien. L-għażla hi waħda ċara.