Ħadd minna ma jaf x’inhu ġej għalina fil-futur. Imma, xorta nistgħu, bħala riżultat tal-ħidma tagħna illum, nagħtu kontribut biex dan il-futur ikun jista’ jitfassal aħjar. Dan hu dak li qed jagħmlu iż-żgħażagħ tagħna.
Nhar il-ħamis kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ dawn iż-żgħażagħ, attivi fl-ekoskola, mifruxa f’diversi skejjel ta’ Malta u Għawdex.
Ippreżentawli memorandum għall-elezzjoni ġenerali, wara li qabel kienu ippreżentawh lill-partiti politiċi l-oħra. Wara li qrajt dan il-memorandum hu ċar għalija kemm iż-żgħażagħ tagħna għandhom moħħhom ċar u miftuh dwar il-ħsara ambjentali li qed tiżviluppa madwarna. Ħsiebhom hu ferm iktar ċar millu hu fil-parti l-kbira tal-klassi politika!
Huma jidentifikaw tlett affaraijiet partikolari li qed jinkwetawhom. Qed jagħmlu ħilithom biex jindirizzahom. Għandhom viżjoni ċara: li jinbidel il-futur permezz ta’ azzjoni pożittiva illum.
Huma mħassba dwar in-numru eċċessiv ta’ karozzi fit-toroq tagħna, kif ukoll dwar it-tniġġiż li dawn jikkawżaw. Huma inkwetati ukoll dwar in-nuqqas ta’ spazji miftuħa, u dan minħabba li kull rokna qed tinbena, riżultat ta’ żvilupp eżaġerat u bla rażan. Jinkwetaw ukoll li bħala pajjiż qed niġġeneraw ammont esaġerat ta’ skart.
iż-żgħażagħ tagħna jemfasizzaw ukoll l-emerġenza li qed tinħoloq bit-tibdil fil-klima. Huma kritiċi tal-parlament għax dan idum ħafna biex jiċċaqlaq.
It-tħassib tagħhom għandu jkun it-tħassib tagħna.
Iż-żgħażagħ tagħna bi dritt jistennew li nisimgħu x’għandhom xi jgħidu. Jitolbuna (bil-ħniena) biex nieħdu azzjoni illum: għax l-azzjoni tagħna illum tagħti sura u tifsira lill-futur tagħhom.
Iż-żgħażagħ jilmentaw li ż-żewġ partiti fil-Parlament idumu wisq biex jirreaġixxu għall-proposti tal-eko-skola, inkella jinjorawhom għal kollox. Hekk qed jagħmlu b’referenza għas-sejħiet tagħhom biex jagħtu każ tal-iżvilupp sostenibbli.
Ħarset iz-żgħażagħ tagħna twassal il-bogħod. Sfortunatament, il-politiċi fil-parlament l-iktar li kapaċi jħarsu hu sa l-elezzjoni li jmiss. Ma jidhirx li kapaċi jħarsu iktar il-bogħod minn hekk!
L-edukazzjoni ambjentali tal-ġenerazzjoni żgħażugħa hi investiment fis-sod. Tagħti frott kotran. Il-programm eko-skola li hu immexxi mill-għaqda ambjentali Nature Trust hu wieħed minn dawn l-investimenti.
F’Malta l-programm eko-skola ilu għaddej madwar 20 sena.
Il-programm eko-skola jiżviluppa l-ħiliet tal-ġenerazzjoni żgħażugħa. Ixettel fihom is-sensittività ambjentali, itejjeb l-ambjent fl-iskola innifisha flimkien ma’ bosta benefiċċji oħra, mhux biss għall-istituzzjonijiet edukattivi tagħna, imma ukoll għall-komunità sħiħa.
Is-seba’ tarġiet tal-proċess edukattiv fl-eko-skola jiffokaw fuq bidla fl-istil tal-ħajja. L-ewwel pass hu li tinħoloq demokrazija parteċipattiva fl-iskejjel tagħna, fejn l-istudenti jieħdu ir-riedni f’idejhom. Bl-għajnuna tal-għalliema tagħhom, imbagħad, l-istudenti jidentifikaw l-aspetti ambjentali li jeħtieġu li jkunu indirizzati fid-dinja tagħhom. Jitħarġu biex ikunu kritiċi ta’ dak li jarawhom madwarhom: jiddiskutu u fl-aħħar jaslu għall-konklużjonijiet u jimplimentawhom.
L-edukazzjoni ambjentali tmur lil hinn minn rispett lejn in-natura. In-natura mhiex maqtugħha għaliha biex napprezzawha biss waqt xi ħarġa fil-kampanja: tikkonċerna kull aspett ta’ ħajjitna, kull ħin u kull mument. Irridu nżommuha quddiem għajnejna il-ħin kollha, f’kull ma nippjanaw u f’kull ma nagħmlu.
Bħala riżultat tal-edukazzjoni ambjentali li l-programm eko-skola jipprovdi għall-istudenti tagħna, il-ġenerazzjoni żgħażugħa li hi attiva f’eko-skola qed tiżviluppa l-ħiliet u l-għarfien li l-ħsara ambjentali tista’ bosta drabi tkun imwaqqfa u eventalwalment irrimedjata. Qed jitgħallmu li huma jistgħu jkunu l-aġenti tal-bidla daqstant meħtieġa.
Għandna ħtieġa li ninvestu iktar fil-ġenerazzjonijiet futuri. Dan hu l-iktar investiment li jirrendi.