Il-kampanja waslet biex tintemm: Għamlet differenza? Se jonqos id-distakk?
Issa verament resqin lejn it-tmiem. Imma din x'kampanja kienet? Għamlet differenza? Se tnaqqas id-distakk jew le? Andrew Azzopardi u Jeremy J Camilleri jitkellmu mal-illum.com.mt
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Kampanja elettorali issa riesqha lejn it-tmiem tagħha, bl-aħħar ġranet illi matulhom se nkomplu naraw lill-partiti f'ġirja għall-voti biex nhar is-27 ta' Marzu jgħollu t-trofew elettorali! Iżda din il-kampanja għamlet differenza? Ċaqalqet xi ftit lill-elettorat? Jew kollox baqa' fejn kien meta ssafret is-suffara elettorali erba' ġimgħat ilu? U l-mistoqsija l-aktar kruċjali: Id-distakk se jonqos?
Il-gazzetta ILLUM staqsiet dawn il-mistoqsijiet lil Andrew Azzopardi u Jeremy J Camilleri.
'Il-Kampanja tal-PN kważi qed naraha aktar effettiva'
Il-Professur, Dekan u preżentatur ta' programm tar-radju Andrew Azzopardi qal mal-ILLUM li ċaqalqitx xi ħaġa jew le il-kampanja huwa diffiċli li tanalizza f'dan l-istadju, għalkemm sostna li movimenti żgħar favur il-Partit Nazzjonalista jistgħu jindikaw attitudni pożittiva dwar il-kampanja Nazzjonalista.
"Jiena l-kampanja tal-PN kważi naraha aktar effettiva minn dik tal-Partit Laburista, fis-sens li dik tal-PL kienet kważi ovvja illi se tkun waħda tajba, professjonali u b'ideat. Allura l-kampanja tal-PL nemmen li laħqet l-aspettativa. Imma, minn naħa l-oħra, ħafna ħasbu li l-PN mhux se jkun kapaċi jagħmilha din il-kampanja. L-aspettativi kienu baxxi ħafna."
Azzopardi kompla jgħid mal-ILLUM illi jemmen li n-nies huma pożittivament sorpriżi bil-kampanja tal-PN u li dan il-partit "minkejja kollox, minkejja l-inkwiet intern li kien hemm u minkejja li Grech ilu biss sena u ftit, għallinqas qiegħed fit-tiġrija. Għax jiena kont naħseb li lanqas fit-tiġrija ma huma se jkunu."
Huwa qal li minn naħa l-oħra bħalissa ħafna qed jirċievu ċ-ċekkijiet u jgħid illi għalkemm hu ma jridx li jemmen illi n-nies jinxtraw b'ċekk, qal ukoll li l-effett ta' familja fejn ir-raġel jaqla' €1,200 fix-xahar u forsi l-mara għandha part time u f'daqqa waħda kellha b'madwar €600 jew €800 f'ċekkijiet, ma tistax tkun sottovalutata.
Id-Dekan qal li huwa jippretendi li din il-wegħda kellha titwettaq wara l-elezzjoni mhux waqt kampanja, "u kollox qisu xejn mhu xejn."
Kompla jgħid li l-PN irnexxielu jdaħħal id-dubju f'moħħ ħafna switchers u floaters dwar jekk għandhomx jivvutaw lill-PL jew le.
U x'jaħseb li huwa distakk san għall-pajjiż u anke għall-Partit Laburista nnifsu?
Andrew Azzopardi qal illi d-distakki kbar li kiseb il-PL, minkejja li huma distakki demokratiċi, "iktar ħolqulu problemi sabiex iżomm lil ċerti elementi taħt kontroll."
Huwa qal illi l-appell ta' Bernard Grech biex in-nies jivvutaw jekk irridu jnaqqsu d-distakk jeħtieġ jittieħed fid-dawl tal-fatt li fl-2013 u anke l-2017 kienu aktar votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti, f'distretti tradizzjonalment PN ukoll li baqgħu d-dar u ma vvotawx.
"Pero' qed nara wkoll li hemm ħafna nies li qatgħu qalbhom. Ċerti affarijiet dejquhom u allura ma baqgħux isegwu l-politika daqstant. Minn naħa l-oħra forsi għadhom mhux konvinti bil-PN għax għad hemm wisq kurrenti," jisħaq Azzopardi, anke jekk jgħid li hemm nies validi bħal Joe Gilgio u Jerome Caruana Cilia.
'Suwiċidju politiku li qisek tgħid ivvotawli għax il-partit l-ieħor ħafna aktar popolari minni!'
Jeremy J Camilleri - persuna voċifera ħafna fuq il-midja soċjali u eks trejd unjonista - saħaq li jemmen illi l-effett tal-kampanja kienet minima u "fejn is-soltu naraw tibdil - anke tibdil qawwi fis-sondaġġi - din id-darba mhux qed nara din id-differenza daqstant."
Huwa qal li jaħseb li l-Gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja hija raġuni ewlenija għaliex n-nies mhumiex jagħtu daqstant każ, għalkemm jgħid illi fl-aħħar ġimagħtejn il-gwerra qisha indrat bħala storja u forsi l-kampanja qabdet ftit aktar rittmu.
"Hemm ukoll l-għejja tal-Covid-19 u anke l-għejja ta' kampanja li prattikament ilha għaddejja mill-2017 u allura issa n-nies iddejqu jisimgħu." Camilleri qal illi jaħseb li l-fatt li naqas l-entużjażmu kbir li s-soltu naraw għall-partiti hija xi ħaġa tajba.
Camilleri iżda jgħid ukoll li d-deċiżjoni tal-PN li joħroġ il-manifest fil-bidu tal-kampanja kienet "żball strateġiku" għax skont hu, spiċċa jħalli lil Labour "jilgħabu u jsib in-nuqqasijiet kollha fih." Huwa jgħid li kważi xahar wara, il-manifest Nazzjonalista sar xi ftit jew wisq ta' "aħbar antika", bil-PL jagħmel tliet ġimgħat ifittex it-toqob, żbalji u ripetizzjonijiet. "Kważi tkellem lil min tkellem isemmilek l-iżbalji u l-fatt - mhux spin din, fatt - li l-PN biddel il-manifest ħafna drabi. Ma tirrifletti xejn tajjeb din!"
Jeremy J Camilleri semma' wkoll iżda "l-pass lura" li ħa l-Prim Ministru Robert Abela fuq il-wegħda tal-isħubija mandatorja f'unjin wara pressjoni minn min iħaddem u staqsa hux se nibdew naraw it-toqob fil-manifest Laburista wkoll.
"Jiena nemmen ukoll li hemm numru ta' votanti li ma jridux jivvutaw - nemmen li ħafna minnhom huma Laburisti - u nemmen ukoll li l-kampanja Laburista se taqbad aktar art fl-aħħar ftit, hekk kif il-PL jipprova jikkonvinċi aktar nies jivvutaw."
Rigward id-distakk u kemm jaħseb li differenzi kbar jistgħu jagħtu riħ fil-poppa għal min huwa arroganti, huwa qal li jemmen fid-demokrazija u allura jisħaq li "jekk id-differenza bejn il-partiti terġa' tkun enormi l-PN jeħtieġ jipprova jifhem għaliex qed ikun hemm dan id-distakk."
Camilleri saħaq li parti mir-raġuni għat-telfiet Nazzjonalisti fl-aħħar 13-il sena kienu propju li l-PN ma ppruvax jifhem x'ifisser tassew dan id-distakk. "Dan qed nitkellmu wara disa' snin fl-oppożizzzjoni u tliet mexxejja tal-PN," qal Camilleri.
Huwa temm jiddeskrivi bħala "suwiċdju politiku" l-argument ta' Bernard Grech din il-ġimgħa li qal illi n-nies għandhom jivvutaw PN biex "jonqos id-distakk" - implikazzjoni u kważi ammissjoni ta' telfa.
"Qisek qed tgħid ivvutaw lilna għax l-oħrajn aktar popolari minna," temm jgħid ma' din il-gazzetta.
Imma hemm ċans jonqos sew id-distakk?
Biex wieħed iwieġeb din il-mistoqsija jrid jagħti ħarsa lejn ħafna mis-sondaġġi li ġew ppubblikati mill- Mediatoday minn Mejju 2020 u allura minn ftit wara li sar Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u anke matul pandemija sħiħa. Naraw illi d-distakk dejjem kien jiffavorixxi lill-Partit Laburista, għalkemm b'varjanzi konsiderevoli u differenti - imma qatt inqas minn 19,500 vot.
L-akbar distakk kien dak ta' Mejju 2020 meta kien qed jiġi rreġistart distakk ta' 105,000 vot, bil-PN jikseb 22% u l-PL 52%. F'dan iż-żmien iżda l-PN kien għadu mmexxi minn Adrian Delia.
F'Ottubru 2020 - ix-xahar illi matulu saret l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista dan id-distakk niżel għal 35,000 vot vantaġġ għal-Labour. Dan huwa distakk viċin id-distakki kollha li ilu jikseb il-PL sa mill-2009.
Xi ftit jew wisq dan baqa' stabbli matul l-2021 għalkemm naqas meta l-pajjiż kien għaddej minn mumenti ta' restrizzjonijiet sforz il-pandemija. F'Jannar 2021 kien 29,750, f'Marzu (f'nofs lockdown) niżel għal 23,100 vot imma mbagħad f'Ġunju - hekk kif kien beda s-sajf - reġa' spara għal 57,400 vot favur il-Partit Laburista.
F'Settembru dan niżel marġinalment għal 44,800 vot u baqa' 48,600 vot favur il-Partit Laburista f'Diċembru.
Jekk issa nħarsu lejn din is-sena u allura kif qed tersaq dejjem aktar l-elezzjoni ġenerali naraw illi d-distakk ħadu daqqa 'l isfel imma xorta baqgħu b'saħħitom favur il-Partit Laburista.
Minn 19,950 vot favur il-PL fi Frar għal 25,900 vot favur il-PL fis-sondaġġ tas-6 ta' Marzu. Intant bħalissa qed naraw distakki ta' bejn 24,000 u 27,000 vot favur il-Partit Laburista fis-sondaġġi li qed jiġu aġġornati ta' kuljum fuq is-sit maltatoday u li huma maħdumin fuq rata ta' 86% tal-poplu li se jmur jivvota.
Apparti tal-Mediatoday dawk tal-Istatistiku Vince Marmara (Sagalytics) baqgħu juru konsistenza ta' 35,000+ voti favur il-Partit Laburista meta wieħed juża l-kalkolu xjentifiku li jagħmel assunzjoni fuq dawk li ma jgħidux lil liema partit se jivvotaw. L-aħħar sondaġġ ta' Marmara ta vantaġġ ta' 39,000 vot lill-Partit Laburista.
Dak ta' The Sunday Times - ippubblikat fl-ewwel Ħadd tal-kampanja - ta vantaġġ ta' 44,500 vot lill-PL.
Dan ifisser li s-sondaġġi kollha minn Mejju 2020 sa issa - kważi sentejn - kollha taw rebħa Laburista.
Ilbieraħ intant - l-aħħar Ħadd qabel l-elezzjoni - is-sondaġġ tal-Maltatoday kien qed jagħti 29,000 vot maġġoranza lill-PL u dak ta' Vince Marmara u ta' The Sunday Times kienu qed jagħtu 38,000 vot u 37,000 vot vantaġġ rispettivament.
Din il-konsistenza tindika li biex ikun hemm rebħa Nazzjonalista jrid litteralment ikun hemm "skerz numeriku" ta' proporzjonijiet kbar li ma deher f'ebda sondaġġ fl-aħħar ħames snin.
Minn naħa l-oħra, id-distakk jibqa' misteru - hekk kif eluf jibqgħu ma jgħidux lil min se jivvotaw u eluf oħrajn jibqgħu jinsistu li ma jridux jivvotaw.