Il-Partit Laburista b'attenzjoni partikolari fuq Birżebbuġa: Għaliex?
F'kampanja waħda l-PL iħabbar tliet proġetti u Birżebbuġa tkun fost dawk il-loklalitajiet li jissemmew fil-programm elettorali: Resident u eks Sindku tal-lokalità jgħidu għaliex jaħsbu li l-PL qed jitfa' din l-attenzjoni partikolari fuq Birżebbuġa...

minn Albert Gauci Cunningham

Il-Partit Laburista jidher li qed jiffoka ħafna fuq il-Ħames Distrett iżda b'mod speċjali fuq Birżebbuġa hekk kif matul din il-kampanja elettorali ħabbar xejn inqas minn żewġ proġetti għat-titjib ambjentali ta' din il-lokalità. Birżebbbuġa hija lokalità li ffaċċjat u kellha tara ħafna proġetti li industrijalizzaw dan ir-raħal, li xi darba kien ħafna iktar pittoresk milli huwa llum. Primarjament, l-aktar proġett li għamel differenza fil-viżwal imma anke fil-ħajja tal-Birżebbuġin huwa l-Freeport li mhux biss huwa enormi u allura jwassal għal impatt viżiv, imma wkoll iwassal għal impatti ta' tniġġiż ta' storbju.
Matul dawn l-aħħar snin Birżebbuġa rat elenku ta' proġetti fosthom piċċ tal-futbol, promenade ġdid fil-Qajjenza, piċċ tal-Waterpolo ġdid - li kienu ilu mitluq snin, parkeġġ, park tal-familja f'Bengħisa li fuqu għadu għaddej ix-xogħol u proġetti oħrajn - fosthom l-għeluq tal-Impjant tal-31 ta' Marzu. Pero' l-attenzjoni tqawwiet ħafna f'dan l-aħħar jiem bit-tħabbira ta' żewġ proġetti maġġuri u proġett ieħor mabut mal-Freeport u bil-Partit Laburista saħansitra jagħmel wegħdiet speċifiċi dwar Birżebbuġa.
Iżda għaliex din l-attenzjoni kollha fuq Birżebbuġa? Forsi l-Partit Laburista qed iħoss li għandu sfida elettorali akbar f'din il-lokalità?
.jpeg)
L-eks Sindku ta' din il-lokalità Kevin Barun ma jaqbilx u jgħid ma' dan is-sit illi l-Partit Laburista "għaraf il-problemi u d-diffikultajiet li l-poplu kienu ilu jitkellem dwarhom u nemmen li dawn il-proġetti saru - għax saru numru ta' proġetti - biex ipattu ftit għal dak li li konna ilna nsofru għal snin sħaħ," temm jgħid ma' dan is-sit Kevin Barun.

Ir-resident ta' Birżebbuġa George Farrugia fakkar li għal snin twal din il-lokalità sfat "minsija" u "abbandunata" u qal li l-Partit Laburista għamel wegħdi ċari fl-2013 ta' riġenerazzjoni għal din il-lokalità. "Allura l-proġetti li rajna u qed naraw jiġu proposti huma skont il-linja ta' ħsieb tar-riġenerazzjoni li kien wiegħed l-istess partit."
Farrugia wera' t-tama iżda li dak imwiegħed jitwettaq "kemm jista' jkun malajr" u jisħaq li mhux l-ewwel darba li l-Birżebbuġin sfaw migdumin minn wegħdi li mbagħad ma jitwettqux. Huwa saħaq għalhekk li huwa importanti ħafna li dan il-proġetti jżommu ma' tragwardi ċari - kemm ta' infieq kif ukoll ta' żmien ta' meta jridu jkunu lesti.

Huwa qal illi dam jiġri wara l-awtoritajiet dwar il-proġett tal-Park tal-Familja biex jara meta se jitlesta u qal illi informawh li dan bilfors irid ikun lest fl-2023. "Imma dak jiena nafu, ħafna residenti dan ma jafuhx."
Huwa temm jgħid lil dan is-sit illi l-akbar proġett jibqa' dak li jirrigwarda x'ser isir minflok il-Impjant tax-Shell li ngħalaq ftit tax-xhur ilu u li jinsab propju f'nofs żona residenzjali.

Xi proġetti ġew imħabbrin sa issa?
1) - Ilum tħabbar proġett ta' €40 miljun fil-Qajjenza. Proġett li se jara żona li għal snin kienet okkupata mit-tankijiet taż-żejt jinbidel f'ċentru ta' innovazzjoni u jsir hub uniku, fiċ-ċentru tal-Mediterran għar-riċerka u innovazzjoni għal industriji ġodda bħal dawk tal-akwakultura, l-ekonomija blu u l-ekonomija ċirkolari.
2) - Il-Prim Ministru waqt din il-kampanja wkoll wiegħed illi Gvern Laburista ġdid se jneħħi Terminal 1 - li huwa l-eqreb terminal għal mal-kosta u allura llejn ir-residenti. Abela qed iwiegħed li l-vapuri jsorġu fuq in-naħa ta' barra tal-Freeport
3) Il-ġimgħa l-oħra tħabbar proġett ġdid minflok il-famuż port tax-Shell. Dan il-pont, b’tul ta’ 180 metru, kien jifforma parti mill-impjant tal-31 ta’ Marzu li ngħalaq fix-xhur li għaddew wara li l-Gvern investa €70 miljun biex l-operazzjoni tal-ħażna u d-distribuzzjoni tal-fuel mxiet f’Ħas-Saptan. Fil-fatt, f’Lulju tas-sena l-oħra ħareġ l-aħħar vapur tal-fuel minn ġol-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.
4) Aktar kmieni din is-sena l-Gvern ħabbar ukoll li fix-xhur li ġejjin jintgħażel l-bidder u jibda x-xogħol fuq il-proġett Shore-to-Ship li jkun ifisser illi jkun hemm faċilità fuq l-art li minnha jieħdu l-elettriku l-vapuri, minflok jibqgħu mixgħulin u allura jkunu ffrankati madwar 4,000 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju fl-arja kull sena
Kif ivvutaw il-Birżebbuġin fl-aħħar snin elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali? Aqra aktar dwar dan hawnhekk.




