'Ma tistax tiġġammja pajjiż sakemm tibda l-inkjesta... hemm bżonn soluzzjonijiet' -Il-PM Abela

Il-PM jitfa' l-ballun f'saqajn il-Maġistrati Inkwirenti fuq traffiku kkawżat minn ħabtiet u jgħid li fl-aħħar żewġ każi l-inkjesta fuq il-post damet sigħat mill-inċident biex bdiet...

(Arkivji)
(Arkivji)

Fi tweġiba lil dan is-sit il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna illi n-nies għandhom raġun igergru meta jkun hemm it-traffiku minħabba ħabta u tefa' t-tort tal-ħin li jieħdu inkjesti maġisterjali fuq il-post tal-inċident biex jibdew.

Mistoqsi kemm il-pajjiż se jdum ma jkollu alternattivi għall-karozza waqt li n-nies jeħlu fit-traffiku minħabba inċident il-PM u Mexxej Laburista sostna illi minkejja li ma setax jitkellem dwar l-inċident ta' dalgħodu, fiż-żewġ każi ta' qabel l-inċidenti qal illi seħħew "f'ħinijiet partikolari" u li fiż-żewġ każi l-inkjesti fuq il-post damu sigħat ma bdew. 

"Jiena mhux qed inwaħħal fil-Maġistratura," qal Abela f'xi ftit ta' kontradizzjoni u fakkar li l-ħin li fih tibda inkjesta jibqa' f'idejn il-Maġistratura. "Filwaqt li l-inkjesta u r-riċerka trid issir, ma nistgħux inħallu sigħat jgħaddu minn inċident qabel tibda inkjesta," sostna Abela mal-ILLUM

Huwa qal li din trid tiġi "mill-Inkwirenti infushom" u reġa' saħaq li ma tistax "tiġġammja pajjiż sakemm issir inkjesta u naħseb li hemm bżonn jinstabu soluzzjonijiet."

Il-Prim Ministru Robert Abela jwieġeb dwar it-traffiku

More in Elezzjoni 2022