Jinħatar il-kabinett il-ġdid ta' Abela... 'bdejna paġna ġdida'
Jonathan Attard u Jo Etienne Abela jieħdu l-akbar promozzjoni hekk kif isiru Ministri wara l-ewwel elezzjoni tagħhom

minn Yendrick Cioffi

Illum il-Prim Ministru Robert Abela ifforma l-kabinett ġdid tiegħu magħmul minn diversi uċuħ ġodda u oħrajn mhux daqstant, filwaqt li uħud mill-membri tal-aħħar Kabinett tħallew barra. Jonathan Attard u Jo Etienne Abela jieħdu l-akbar promozzjoni hekk kif isiru Ministri wara l-ewwel elezzjoni tagħhom
Intant mistoqsi mis-sit illum.com.mt għaliex uħud mill-kandidati li ġew eletti mill-poplu, fosthom Carmelo Abela u Edward Zammit Lewis, mhux se jagħmlu parti minn dan il-kabinett huwa wieġeb li dawn m'għadhomx "jistgħu jagħtu kontribut b'saħħtu."
Huwa saħaq li, meta ħa d-deċiżjoni ta' min se jagħmel parti mill-kanibett hu kkunsidra diversi fatturi. "Jiena nifhem ukoll li l-Gvern issa beda' paġna ġdida," kompla Abela.
Intant Ian Borg se jkun qed jieħu post Evarist Bartolo bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ. Se jkollu wkoll taħt il-portafoll tiegħu l-Kummerċ.
Aaron Farrugia se jkun Ministru għall-Infrastruttura, it-Trasport u l-Proġetti Kapitali, jiġifieri se jkun ħa post Ian Borg. Miegħu se jkollu Segretarju Parlamentari lid-Deputat il-ġdid Chris Bonnett li mistenni jkun responsabbli mill-Fondi Ewropej.
Miriam Dalli se tibqa' il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Intrapriża iżda ma' dan se jkollha wkoll l-ambjent u anke l-implimentazzjoni tal-wiegħda tal-Partit Laburista li jwettaq investiment ta' €700 miljun fi spazji ħodor madwar Malta u Għawdex.
Clayton Bartolo se jżomm postu bħala Ministru għat-Turiżmu u Owen Bonnici se jkun qed jieħu f'idu l-Ministeru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali. Dan kien f'idejn Josè Herrera li ma ġiex elett wara sitt leġislaturi.
Jonathan Attard mistenni jinħatar Ministru għall-Ġustizzja minflok Edward Zammit Lewis.
Stefan Zrinzo Azzopardi mistenni jkun Ministru għax-xogħlijiet pubbliċi, l-Ippjanar u anke l-Awtorità għall-Bini tal-Kostruzzjoni.
Clyde Caruana, Chris Fearne, Anton Refalo u Clifton Grima, żammew ukoll l-istess Ministeri. Dan ifisser li Caruana se jkun Ministru għall-Finanzi, Fearne għas-Saħħa, Refalo għall-Agrikoltura u s-Sajd u Grima għall-Edukazzjoni, li flimkien miegħu se jingħaqdu r-riċerka u l-innovazzjoni.
Ma' Grima, deher ħiereġ minn Kastilja Keith Azzopardi Tanti, Deputat ġdid li mistenni jinħatar Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-isport fost oħrajn.
Kif kien mistenni, Clint Camilleri se jibqa' Ministru għal Għawdex.
Minn Kastilja, tard ilbieraħ filgħaxija deher ħiereġ ukoll Silvio Schembri li jidher li se jkun qed iżomm l-Ekonomija u l-Artijiet u se jkollu taħt wkoll il-Fondi Ewropej u allura lil Bonett. Roderick Galdes jibqa' responsabbli wkoll mill-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jidher li anke Byron Camilleri u Julia Farrugia Portelli se jżommu l-istess Ministeru iżda Byron Camilleri li kien il-Ministru responsabbli mill-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi issa se jiżdidulu l-Ugwaljanza u r-riformi li kienu taħt Bonnici. Farrugia Portelli kienet u se tibqa' l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Ħarsien Soċjali u l-Għaqdiet Volontarji.

Din hija l-Lista tal-Membri tal-Kabinett u l-irwoli tagħhom
Robert Abela - Prim Ministru
Chris Fearne - Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa

Owen Bonnici - Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
Ian Borg - Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ
Michael Falzon - Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal
Anton Refalo - Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali
Silvio SchembriMinistru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet

Julia Farrugia Portelli - Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur
Aaron Farrugia - Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali
Clint Camilleri - Ministru għal Għawdex
Byron Camilleri - Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza

Clayton Bartolo - Ministru għat-Turiżmu

Miriam Dalli - Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Clyde Caruana - Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol
Clifton Grima - Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Stefan Zrinzo Azzopardi - Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanarż
Jonathan Attard - Ministru għall-Ġustizzja
Jo Etienne Abela - Ministru għall-Anzjanità Attiva
Is-Segretarji Parlamentari huma:

Andy Ellul - Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Alison Zerafa Civelli - Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali

Chris Bonnett - Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Fondi Ewropej u l-Artijiet
Roderick Galdes - Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli
Keith Azzopardi Tanti - Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni



