L-irxuxtar tat-teatru Malti
Dwar it-teatru Malti, l-arti u r-relazzjoni tiegħu mal-politika.
minn James J. Piscopo
Età: 63
Professjoni: Direttur artistiku u kittieb
Ħolma li għadek ma wettaqtx: Nipproduċi film Malti għal kompetizzjoni internazzjonali
L-akbar biża’: Li nkun għażżien wisq
L-aħħar safra: New York
Tletin sena wara li ma ħallewhx itella’ produzzjoni minħabba ċensura, l-2008 kien żmien ideali biex finalment Mario Philip Azzopardi jtella’ l-produzzjoni ‘Sulari fuq Strada Stretta’ fit-Teatru Manoel.
Żmien ideali wara perjodu ta’ nixfa fejn jidħlu rappreżentazzjonijiet oriġinali bil-Malti. Lil Mario Philip kienu ġa avżawh biex ma jkunx ottimist wisq, u qalulu li kellu jimmira li t-teatru jkun imqar nofsu mimli f’kull serata. Hu jgħid li l-produzzjoni spiċċat mibjugħa kollha u kellhom jibagħtu n-nies id-dar.
Dan kien l-ewwel sinjal li t-teatru Malti, jekk ikollu produzzjonijiet ta’ livell, jista’ jirxoxta. Iżda x-xettiċi dlonk qalu li s-suċċess ta’ din il-produzzjoni kienet sempliċiment minħabba l-kontroversja taċ-ċensura tletin sena qabel.
“Kien żmien fejn it-teatru Malti kien mejjet. Fejn il-produzzjonijiet kienu jkunu riproduzzjonijiet ta’ xogħol li jkun inkiteb ħafna żmien ilu u jkun tilef ir-rilevanza, jew inkella jkun sempliċiment xogħol barrani tradott għal Malti,” jgħid Azzopardi.
Iżda sentejn wara, il-produzzjoni ‘Xbihat ta’ wħud li kienu kattoliċi’ li kienet tikkonċerna l-interdett, kompliet tikkonferma l-ħsieb ta’ Mario Philip li n-nies riedu teatru li jinvolvi temi li jaffetwawhom, teatru ispirat mir-realtà Maltija.
Kien hemm fejn waqqaf il-Fondazzjoni Avventura u l-inizjattiva ‘Staġun Teatru Malti’.
“Ħtart lili nnifsi direttur artistiku, qbadt erba’ persuni intiżi fit-teatru li kollha qed jgħinu bi ħlas, u qbadna sistema fejn niddelegaw awturi u kittieba biex jiktbu fuq suġġetti li noħorġu bihom.”
Jgħid li fost l-ewwel affarijiet qabad is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari, li ddelegah lil Albert Marshall.
“Iżda meta darba ltqajna għal kafè biex niddiskutu l-aħħar żviluppi, rajt lil Franco Debono miexi. Innutajt li biex qasam minn tarf sa tarf ta’ pjazza, dam xi nofs siegħa bin-nies il-ħin kollu jwaqqfuh. Dort fuq Marshall u għedtlu li għandna nbiddlu l-pjanijiet, waqqafna kollox u dawwarna ħarsitna lejn dak li kien qed jiġri fil-Parlament.”
Jgħid li Debono kienu għadu sejjer għat-taqbida li kellu jagħmel aktar tard, imma ftit kellu dubji li Debono kien se jsammar l-aħħar musmar fit-tebut tal-amministrazzjoni Nazzjonalista. Kif fil-fatt ġara xhur wara.
Din il-produzzjoni ispirata mill-avvenimenti politiċi u r-rwol ta’ Franco Debono fil-parlament, bl-isem ‘L-Indemonjati u Maltin oħra’ ukoll wasslet biex is-serati fit-teatru Manoel kienu għal darb’oħra mimlija sa ruħ ommhom.
Iżda l-użu ta’ temi politiċi fit-teatru kif intlaqgħet mill-udjenza preżenti, fil-kuntest li l-produzzjoni ttellgħet jiem biss qabel elezzjoni ġenerali?
“Kien hemm min għoġbitu, kien hemm min telaq ’il barra, kien hemm min dejqitu, kien hemm min ma fehmiex… iżda dak huwa t-teatru. Kien hemm ukoll min ra l-produzzjoni bħala irrelevanti. L-Indemonjati, bħalma ġralu Francis Ebejer fl-istorja, se taqa’ f’ċertu irrelevanza sa sentejn oħra għax ir-realtà Maltija timxi u tinbidel.”
“L-istazzjon nazzjonali għandu d-dmir li jippubblika programmi ta’ ċertu livell. Iżda minflok qed ibigħ is-sigħat mingħajr kontroll ta’ kwalità”
Hu jissokta jgħid li x-xogħol tat-teatru mhuwiex bħal letteratura, li jibqa’ mniżżel fl-istorja.
Il-karattru ta’ Mario Philip Azzopardi li jgħid li jħoss mingħajr kantunieri dehret fiċ-ċar għal mistoqsija li għamiltlu dwar x’messaġġi jrid jgħaddi lis-soċjetà bix-xogħol teatrali tiegħu.
“Jien miniex messaġġier. Jiena negozjant, nara x’jista’ jintgħoġob u nagħmlu. Jekk ikun hemm play bl-akbar u l-isbaħ messaġġ iżda li twassal għal telf ta’ flus, jien miniex se nagħmilha. Imma jekk produzzjoni tiegħi tqajjem dibattitu, kif ġara bil-produzzjoni riċenti ‘Jiena Nħobb Inti Tħobb’, allura nkun kuntent li qajjimt djalogu li ma jikkonċentrax fuq il-partiti politiċi.”
Id-direttur artistiku jżid jgħid li wieħed mis-sigrieti tas-suċċess kien li minbarra li x-xogħol jolqot l-esperjenza tal-Maltin, wieħed għandu jirrispetta l-intelliġenza tal-udjenza kif ukoll ikun jaf kif ibiegħ il-prodott tiegħu. Jispjega kif għalhekk it-titli tal-produzzjonijiet tiegħu diġà jiġbdu ċertu attenzjoni bħala mossa ta’ marketing.
“Fil-passat, is-sens ta’ marketing fit-teatru ma kienx jeżisti. It-teatru kien mifhum bħala xi ħaġa intelletwali. M’għandi l-ebda simpatija lejn min iqis it-teatru bħala xi ħaġa ta’ kultura għolja. Hemm il-perċezzjoni li trid tkun ta’ ċertu intelliġenza jew esperjenza biex tifhmu. Eżempju Shakespeare leħaq livelli internazzjonali għax ġenju, imma fl-aħħar mill-aħħar kien jikteb għal popolin.”
Azzopardi qatta’ għexieren ta’ snin jgħix barra minn Malta u għalhekk forsi jista’ jħares lejn is-soċjetà Maltija b’mod aktar kritiku. Iżda ma jaqbilx ma’ min jgħid li s-soċjetà Maltija hi waħda magħluqa meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra.
Hu jsemmi l-eżempju ta’ Arizona, stat fl-Amerika li qed jiddiskutu leġislazzjoni li tippermetti lil ħwienet biex jirrifjutaw li jagħtu servizz lil persuni omosesswali.
“Dawn qegħdin fejn konna aħna ħamsin sena ilu. Mhux talli qas tgħaddilna minn moħħna li nsegwu fil-passi ta’ Arizona, talli għaddejjin bil-liġi tal-unjoni ċivili fost l-oħrajn. Għalhekk ma naħsibx li qegħdin lura, imbagħad f’kull soċjetà se ssib it-tajjeb u l-ħażin,” jargumenta Azzopardi.
Li ddejqu żgur jidher li hu l-partiġġjaniżmu sfrenat anke jekk isostni li l-fatt li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni b’marġini tant kbir jista’ jkun sinjal li l-partiġġjaniżmu qed jonqos u li aktar nies lesti jivvutaw skont x’jemmnu li hi l-aħjar għażla.
Azzopardi jissokta jgħid li finalment tidher li qed tinqered bil-mod l-idea li jekk int twelidt f’familja tradizzjonalment Nazzjonalista jew Laburista, dan jiġġudika l-mod kif int se tivvota għal bqija ta’ ħajtek.
“Fuq kollox għandek id-dover li tagħżel dak li skontok hu l-aħjar għażla għal pajjiż, għas-soċjetà, u għalik.”
Kif jammetti hu stess, mhuwiex xi sigriet l-affiljazzjoni ta’ Mario Philip mal-Partit Laburista. Dan deher evidenti wkoll fil-kampanja elettorali li għaddiet b’Mario Philip jidher fil-vidjow tad-diska ‘Tagħna Lkoll.’
Dan ma kienx l-unika kontribut li ta, hekk kif Azzopardi dderieġa wkoll proġetti oħra awdjo-viżivi li dehru bħala parti mill-kampanja tal-Partit Laburista.
“Tant ħassejtni urtat bid-dagħwa li għamlu fit-teatru u kif baqgħu għaddejjin fuq ċertu artisti, li għent kif stajt lil PL biex jitilgħu fil-gvern”
“Tant ħassejtni urtat bid-dagħwa li għamlu fit-teatru u kif baqgħu għaddejjin fuq ċertu artisti, li għent kif stajt lil Partit Laburista biex jitilgħu fil-gvern. Fuq kollox kif għamlu Maltin oħra li taw sehemhom, għax l-arroganza tal-gvern Nazzjonalista ma kinitx fit-teatru biss imma f’aspetti oħra,” jispjega Azzopardi.
Jgħid li dan mhux se jżommu milli jikkritika deċiżjonijiet mill-gvern Laburista li ma jaqbilx magħhom fil-futur.
“Minn dejjem kont Laburist għax nemmen f’ċertu prinċipji tax-xellug li ma ssibhomx f’partiti oħra. Jekk il-Partit Nazzjonalista jagħmel affarijiet tajba mhux se ngħid il-kontra.”
Fost l-oħrajn, hu jsemmi kif ironikament il-Fondazzjoni Avventura twaqqfet taħt il-Partit Nazzjonalista filwaqt li meta kellu d-dramm ‘Sulari fuq Strada Stretta’ iċċensurat, dan kien sar taħt gvern Laburista.
Iżda ma jaħsibx li huma l-partiti politiċi stess li jinkoraġġixxu l-politika ta’ tribuwiżmu? Ta’ kollox aħmar jew blu?
Mingħajr ma jaħsibha darbtejn, dlonk jirrispondini li hu għalhekk jemmen li huma l-artisti li għandhom jgħallmu lill-poplu permezz tat-teatru biex ma jibilgħux kull ma jaraw.
“Għax il-partiti ma ttihomx tort, qegħdin hemm biex jikkonvinċuk teleġġi lilhom fuq kollox,” jispjega hu.
Hu għalhekk li Mario Philip Azzopardi ma jagħlaqx il-bieb għall-introduzzjoni tat-tielet partit fil-parlament, għax skont hu dan jista’ jkun mod kif wieħed jeħles mill-madmad tal-partiġġjaniżmu.
Dawn l-aspetti ta’ nuqqas ta’ kunsens politiku u ċertu immaturità politika lokali se jkunu t-tema tat-tieni dramm li Azzopardi se jipproduċi din is-sena, bit-titlu Vassalli. Hu jgħid li minkejja li d-dramm hu spirat minn żmien Vassalli, se jkunu qed isiru bosta paraguni mar-realtà tal-lum il-ġurnata, biż-żewġ partiti politiċi jkunu wħud mill-protagonisti.
Dan minbarra li wara r-rappreżentazzjonijiet ta’ ftit ġimgħat ilu, id-dramm ‘Jiena Nħobb Inti Tħobb’ se jerġa’ jirritorna għal tliet serati oħra f’Mejju li ġej wara li ħafna mill-pubbliku baqa’ diżappuntat li ma laħaqx biljetti.
Iżda s-suċċess li qed jerġa’ jkollu t-teatru Malti mhux qed ikun rifless fit-televiżjoni lokali, bil-kwalità tad-drammi ftit li xejn tkun waħda għolja.
Mario Philip Azzopardi jgħid li dan hu minħabba l-fatt li m’hemmx biżżejjed żvilupp u m’hemmx min imexxih.
“L-istazzjon nazzjonali għandu d-dmir li jippubblika programmi ta’ ċertu livell. Iżda minflok, qed ibiegħ is-sigħat u jħalli l-produtturi jagħmlu li jridu mingħajr kontroll ta’ kwalità. F’dan is-settur ma tistax tkun ġust: nies li mhumiex kapaċi m’għandhomx jingħataw ħin fuq it-televiżjoni, jafu kemm jafu l-ministru, jitolbu kemm jitolbu,” itemm jgħid b’konvinzjoni d-direttur li ftit jiem ilu rċieva l-aħbar li xogħol għat-televiżjoni li għamel b’atturi Maltin se jixxandar fl-Amerika.
“Jien miniex messaġġier. Jekk ikun hemm play bl-akbar messaġġ, iżda ma trendix flus, jien ma nagħmilhiex”