Obbligat inħalli Korp tal-Pulizija aħjar milli sibt - Michael Cassar

Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar waqt intervista fuq Radju Malta qal li hemm Pulizija li jagħlu għax jisbaħ

Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar
Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar

Waqt intervista fil-programm “Għandi Xi Ngħid” fuq Radju Malta ppreżentat minn Andrew Azzopardi, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li huwa obbligat li jħalli Korp tal-Pulizija aħjar milli sab kemm għall-Korp stess kif ukoll għall-pubbliku.

Il-Kummissarju Cassar beda biex qal li għalkemm dejjem kien imexxi taqsimiet diffiċli fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, il-qabża għal kap tal-Pulizija ġġorr magħha responsabilitajiet ġodda. Huwa qal li filwaqt meta kien kap ta’ taqsima kien responsabbli tal-iskwadra, illum għandu l-Korp kollu bit-taqsimiet kollha. Michael Cassar qal li jrid jara l-Korp ikun skwadra waħda li jaħdmu f’armonijia. 

Il-Kummissarju qal li ilu snin inkwetat dwar kif fil-Korp tal-Pulizija minn żmien għal żmien kienu qegħdin jinbidlu ċertu affarijiet u tajjeb li sar dan it-tibdil, imma min-naħa l-oħra jrid ikun hemm bilanċ għax fl-aħħar mill-aħħar dan huwa korp dixxiplinat. Din hija d-differenza bejn il-Korp tal-Pulizija u kull dipartiment tal-Gvern ieħor. Sfortunatament din ir-realtà kienet qiegħda tintilef, saħaq il-Kummissarju.

Michael Cassar qal li għalkemm hemm min jikkritika lill-Pulizija, il-maġġoranza tal-Pulizija mhux biss jaqdu dmirhom sew imma jmur ’il fuq mid-doveri tagħhom biex jagħtu servizz aħjar. Min-naħa l-oħra hemm dawk il-ftit li huma differenti u jmorru għax-xogħol u jiġu jaqgħu u jqumu. Hemm minnhom jagħlu għax jisbaħ.

“Din l-attitudni negattiva ġġib apatija fil-Korp stess”, qal il-Kummissarju. Huwa żied jgħid li din l-attitudni trid tikkumbattiha b’dixxiplina u din tiġi b’rispett lejn il-ġerarkija minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq u mhux billi ssabbat saqajk.

“Għalhekk irrid inġib il-Korp kollu bħala skwadra waħda. Mhix faċli għax din hija bidla fil-mentalità li trid ammont ta’ żmien biex issir. Imma mhux se naqta’ qalbi,” qal Michael Cassar.

Mistoqsi minn Andrew Azzopardi jekk din il-mentalità nħolqitx minħabba l-mod kif isir ir-reklutaġġ, il-promozzjonijiet u transfers u kif din se tkun indirizzata, il-Kummissarju Cassar qal li hemm diversi fatturi u għalhekk enfasizza fuq id-dixxiplina għax jekk għandek min mhux jagħtu l-aħjar tiegħu, forsi għax huma għażżenin, u hemm minnhon hekk, l-oħrajn li jagħmlu l-almu tagħhom se jkunu demotivati minn dawn il-ftit. Huwa qal li jrid jaqtagħha li l-għażżien jirrenja u min jaħdem irid ipatti għalih. Jekk kulħadd jaħdem allura kulħadd ikun motivat. Din il-mentalità jrid iwaqqafha fejn diġà beda jieħu miżuri fejn wassal dan il-messaġġ lill-uffiċjali kollha.

“Nista’ ngħid li f’dawn ix-xahrejn din qed tinħass anke mir-rispons li wasalli mingħand il-pubbliku.”

Michael Cassar qal li qiegħed jirċievi ittri u messaġġi mingħand il-pubbliku jfaħħru pulizija anke b’mod individwali fejn pulizija jkunu assistew persuni mhux biss waqt il-ħin tax-xogħol imma anke barra l-ħin tax-xogħol. Huwa saħaq li mhux se jkun hemm tolleranza għal dawk il-membri tal-Korp li ma jagħtux dak li huwa mitlub minnhom. Ir-rispons mal-pubbliku jrid jiġi minn kulħadd fosthom anke dak il-Kuntistabbli li qiegħed fl-Għassa jirrispondi t-telephone għax dan huwa l-ewwel kuntatt mal-pubbliku. Il-pożizzjoni ta’ dan il-kuntistabbli hija importanti daqs kemm hi l-pożizzjoni tal-Kummissarju, qal Michael Cassar.

Mistoqsi jekk wiritx korp b’ħafna uffiċjali, fosthom numru ta’ Deputati Kummissarji, u jekk hux se jbiddel xi ħaġa, il-Kummissarju Cassar qal li l-pożizzjonijiet qegħdin hemmhekk u la darba qegħdin hemm se jaħdem b’din is-sistema. Hemm ħafna xogħol xi jsir u għalhekk ħadd mhu se joqgħod bilqiegħda ma jagħmel xejn.

Dwar jekk jaqblix li l-Iskwadra tal-SAG u dik tal-Mobile, ġew żarmati u saret skwadra waħda, dik tar-Rapid Intervention Unit, Michael Cassar qal li filwaqt li jħoss li għandu jkun hemm skwadra speċjalizzata, huwa se jħalli dik tal-RIU kif inhi. Huwa qal li jekk ikollok skwadra speċjalizzata din se tkun hemm għat-taħriġ biss u jintużaw meta jinqala xi ħaġa. Min-naħa l-oħra meta wieħed jimxi maż-żminijiet u l-problemi tal-ġurnata, il-Kummissarju qed jippjana li jsaħħaħ skwadri oħrajn.

“Biex inkunu aktar professjonali qegħdin nagħtu taħriġ intensiv lill-membri tal-RIU u wħud minnhom se jkunu mħarrġin f’ċetu oqsma”, qal Cassar. Huwa żied jgħid li jekk il-Korp ikollu riżorsi umani allura jkun possibli li tinħoloq skwadra speċjalizzata, imma bħalissa dan mhux possibli.

Dwar il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Commonwealth, iċ-CHOGM li se ssir hawn Malta f’Novembru li ġej u jekk l-eks-Kummissajru tal-Pulizija Peter Paul Zammit, għadux involut fl-ippjannar u s-sigurtà, il-Kummissarju Cassar qal li Peter Paul Zammit m’għandux x’jaqsam mal-Korp tal-Pulizija. Huwa qal li Zammit huwa membru fil-kumitat taċ-CHOGM imma fejn tidħol sigurtà din hija r-responsabilità tal-Pulizija l-Armata u s-Servizz tas-Sigurtà. Li jagħmel il-kumitat huwa li jissuġerixxi x’taħriġ jista’ jsir u wara nikkordinaw bejniethom. Fil-fatt, qal Cassar, diġà qed isir taħriġ dwar kif se jkunu qegħdin jaħdmu dakinhar.

Waqt din l-intervista ma setax jonqos li jissemma wkoll il-każ John Dalli u jekk dan hux każ magħluq. Michael Cassar qal li l-każ John Dalli għadu miftuħ u li l-possibilità li John Dalli jitressaq il-Qorti għadha hemm. Huwa insista li ma jridx jitkelllem fuq l-ebda każ speċifiku u dak li qal fil-PAC lest jirrepetih.

Michael Cassar semma diversi punti oħrajn fosthom kif irid li jkabbar il-unit kontra t-terroriżmu, id-Dipartiment tal-Forensika u b’mod speċjali aktar taħriġ.

 

More in Intervisti