“Żbaljajt....bħala sindku kelli noqgħod għat-test”
'Anton ikkritika l-ħajja personali tiegħi u dik ma naċċettaha qatt u għalhekk għamiltlu libell.”
minn John Busuttil
Samwel Azzopardi is-sindku tar-Rabat Għawdex, dan l-aħħar kien fuq fomm kulħadd u fuq il-media kollha meta instab ħati mill-qorti li saq taħt influwenza tax-xorb għax ma riedx joqgħod għal breathalyser test u weħel €2,000 u sitt xhur sospensjoni tal-liċenzja tal-karrozza. Fl-istess waqt hu kien irriżenja minn sindku u l-kap tal-oppożizzjoni reġa talbu li jieħu postu lura wara s-sentenza. Deċiżjoni li qajmet ftit agħa u dwar dan is-sindku tar-Rabat qalli li hu lest jirrakonta l-fatti kollha, anke jekk skont hu qatt ma ddejjaq jirrispondi lill-ebda ġurnalist li ċempillu u talbu l-verżjoni tiegħu. Iżda qalli wkoll li l-ewwel intervista li taha wara l-inċident hi din ta’ fuq ILLUM.
Kont mistieden tieġ ir-Rabat Malta u wasalt hemm f’xil-10.30 ta’ bilejl. Qattajt madwar tliet kwarti u tlaqt għax ridt nilħaq il-vapur ta’ 12.20 a.m.. M’inhix xi ħamallu li mmur tieġ u nintefa mal-bar nixrob drink wara l-ieħor, iżda xrobt normali. Fil-fatt dawk li kienu miegħi telgħu jixhdu fil-qorti x’ħadt u ma ħadtx. Barra hekk li kont xurban jien għandi post Malta u stajt mort norqod hemm u jwassluni. Soqt mir-Rabat saċ-Ċirkewwa, tlajt fuq il-vapur u minn hemm tlaqt lejn id-dar fir-Rabat u f’xis-siegħa nieqes ħamsa saret il-ħabta. Kienet l-ewwel ħabta tiegħi f’ħajti u xxukkjajt ruħi u ma stajtx niċċaqlaq mill-karrozza u mhux għax weġġajt iżda kelli xokk kbir fuqi. Nofs siegħa wara ġew il-pulizija u jien taħt xokk qawwi rrifjutajt li nieħu l-breathalyser test. Kelli dritt legali li nagħmel dan, iżda llum nħoss li żbaljajt għax jiena sindku u persuna pubblika u għalhekk kelli noqgħod għat-test.”
Tlabtu jgħidilna jekk kienx Simon Busuttil li talbu jirriżenja u Azzopardi qal li kien hu li ddeċieda li jirriżenja filgħodu stess u Simon aċċettaha mill-ewwel. “Ma ridt inġib lil ħadd dahru mal-ħajt, anzi ridt nirriżenja anke mill-kunsill, iżda l-partit ħass li għandi nibqa kunsillier u fil-kunsill reġjonali. Il-partit kien ċar li kelli niddeċiedi jien nerġax nieħu l-kariga skont is-sentenza li toħroġ.”
Fil-fatt is-sindku Rabti qal li l-qorti assumiet li la hu ma riedx joqgħod għat-test kien taħt l-effett tax-xorb. “Għax meta tirrifjuta l-breathalyser test trid tipprova r-raġuni għaliex ma qgħadtx għalih. Il-fatt hu li jien kont taħt xokk iżda dak nafu jien u ma stajtx nippruvah. Stajt nappella iżda m’appellajtx u aċċettajt is-sentenza.”
“Kif ħarġet is-sentenza ltqajt ma’ Simon Busuttil ftit sigħat wara u ħass li jien għandi nerġa nieħu l-kariga ta’ sindku. Jien kont lest li noqgħod għal kull deċiżjoni tal-partit. Għalkemm inħoss li l-PN kien joħroġ ħafna aħjar li għażel li nibqa barra u ta dan nirrokonoxxih ħafna. Kulħadd qal li kont raġel meta rriżenjajt iżda mhux kulħadd qabel li nerġa nkun sindku fosthom esponenti fil-media.” Azzopardi qal ukoll li l-viċi sindku ddejjaq li qgħad sindku għal xahrejn biss fejn ammetta li anke hu kien iħossu ftit diżappuntat li ġrat lilu, “iżda hu kien jaf li jien stajt nirritorna u nirringrazzjah u nammirah li aċċetta l-kariga sa ma jien ma kontx hemm.”
Samwel Azzopardi jaħdem fis-settur finanzjarju u qalli li jekk hawn min jaħseb li hu qiegħed sindku għal flus hu żbaljat għax kemm ilu sindku qed jaħdem 4 day week u tilef 20% mis-salarju, “li jġib iżjed mill-onorarja ta’ sindku”.
Sadattant Samwel Azzopardi fetaħ libell lil Ministru għal Għawdex, Anton Refalo dwar dan il-każ, “M’għamilt libell lill-ebda ġurnalist, lanqas lil dawk il-ġurnalisti li kitbu li ammettejt li soqt taħt l-influwenza tal-alkoħol, avolja mhux vera. Jien ammettejt biss li ma ridtx nieħu l-breathalyser test. Iżda ħassejt li lil Ministru Anton Refalo niftaħlu libell għax hu ħass li joħroġ stqarrija fejn qal li jien kont qed insuq taħt sustanzi projbiti. Jidher li hu ħareġ l-istqarrija għax il-kap tal-oppożizzjoni fl-istess żmien kien talab ir-riżenja tiegħu dwar il-każ tiegħu li kien ħabat b’karrozza mhux inxurjata. Jien ma kellix x’naqsam x’qal il-kap tal-partit dwaru iżda hu dehrlu li jattakka l-każ tiegħi. Jien meta rriżenjajt ma kontx naf li kien hemm każ ta’ Refalo u lanqas irriżenjajt biex nidher sabiħ u nitfa pressjoni fuqu biex jagħmel l-istess. Ippostja l-istqarrija fil-facebook u fost dawk li għaddew il-kummenti kien hemm min staqsa xi tfisser sustanzi projbiti u kien hemm min wieġeb li kont taħt l-effett tad-droga. Kont ktibt lil Anton refalo biex ineħħi l-post iżda ħalliha hemm u ma rtirahiex u b’hekk għamiltlu l-libell.”
Samwel Azzopardi kompla jgħid li din kienet inġurja kbira għalih għax hu voluntier favur id-dipendenti tad-droga u ilu jagħmel dan ix-xogħol mingħajr daqq ta’ trombi għal snin sħaħ. “Anton ma kkritikanix għax irriżenjajt u erġajt aċċettajt li nieħu l-kariga għax kieku kont naċċetta l-kritika dwar il-ħajja pubblika tiegħi. Iżda hu kkritika l-ħajja personali tiegħi u dik ma naċċettaha qatt.”