Filmat | Anġlu Xuereb jaqbel mal-bini għoli...
Bħala prinċipju għandu jkun hemm żoni magħżulin bi ħsieb, li fihom jitilgħu ‘high-rise buildings’. “Bin-nuqqas ta’ art li għandna fuq il-gżira, jagħmel aktar sens li l-bini jitla’ fl-għoli, milli jieħu ‘footprint’ aktar wiesa’.” - Anġlu Xuereb
minn Ruben Anthony Xuereb
Fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-gazzetta l-ILLUM, ġiet ippublikata intervista mal-intraprenditur, lukandier u żviluppatur Anġlu Xuereb, li fost affarijiet oħra, qasam mal-ILLUM is-siġriet tas-suċċess tiegħu u xi ideat u pjanijiet li għandu għall-iżvilupp ta' Malta
Fit tieni parti tal-intervista, Anġlu Xuereb jitkellem dwar żvilupp, pjanijiet u ideat għall-futur ta' Malta
Għal Anġlu Xuereb, is-suċċess li kiseb matul is-snin jiġi minn erba’ fatturi sempliċi li huwa dejjem ħaddan sa mill-bidu tal-karriera tiegħu 41 sena ilu, li huma xogħol iebes, determinazzjoni, effiċjenza u kreattività.
Fejn tidħol il-kreattività, Xuereb jisħaq li peress li din iġġib magħha innovattività, sfidi ġodda u bidla, se ssib ħafna oġġezzjoni, minħabba li b’xi mod jew ieħor, tagħmel x’tagħmel, “dejjem se tirfes xi kallu ta’ xi ħadd… iżda jien dejjem inħares ’il quddiem.”
L-ILLUM staqsiet lil Anġlu Xuereb dwar l-isfidi li jaffaċċja kuntrattur fil-ġurnata tal-lum, hekk kif qegħdin fi żmien fejn kull proġett propost, qisu dejjem isib xi oġġezzjoni u kritika minn residenti u ambjentalisti fost l-oħrajn. Għal din il-mistoqsija, Xuereb reġa’ fakkar li “meta tagħmel xi ħaġa ġdida, se ġġib reżistenza, għax il-bniedem dejjem joġġezzjona għall-bidla, għax jibża’ minn dak li ma jafx.”
Bin nuqqas ta’ art li għandna fuq il-gżira, jagħmel aktar sens li l-bini jitla’ fl-għoli, milli jieħu ‘footprint’ aktar wiesgħa
Dwar il-kwistjoni taħraq tal-bini għoli li għaddejja bħalissa, Xuereb saħaq li huwa jaqbel ma’ dawn it-tip ta’ binjiet, għax bħala prinċipju għandu jkun hemm żoni magħżulin bi ħsieb, li fihom jitilgħu ‘high-rise buildings’. “Bin-nuqqas ta’ art li għandna fuq il-gżira, jagħmel aktar sens li l-bini jitla’ fl-għoli, milli jieħu ‘footprint’ aktar wiesa’.”
‘L-industrija tal-bini mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija’
Anġlu Xuereb spjega kif l-industrija tal-bini dejjem kienet waħda mill-muturi ewlenin tal-ekonomija Maltija, li magħha hemm marbutin ħafna xogħlijiet u snajja’ differenti, li skont hu jibdew min-nutar li jieħu ħsieb il-bejgħ, sal-persuna li tnaddaf it-twieqi tal-binja la darba din tkun lesta.
Skont l-istatistika, jingħad li 12% tal-ekonomija ta’ Malta hija ġġenerata mill-industrija tal-bini, iżda skont Xuereb, fil-verità, iċ-ċifri huma ħafna għola għax fl-istatistika hemm ħafna elementi li ma jiġux inklużi, bħall-fabbrikazzjoni tal-brikks u l-planki għas-soqfa u tal-gypsum per eżempju, li huma kkunsidrati bħala manifattura, iżda li fil-verità huma direttament konnessi mal-industrija tal-bini.
“L-industrija tal-bini tagħti kontribut akbar minn dik tat-turiżmu għall-ekonomija,” jsostni Xuereb, “għalhekk għandna nibżgħu għaliha.”
‘Għandu jsir master plan dettaljat għall-Buġibba u l-Qawra’
B’aktar minn 12,000 sodda disponibbli f’lukandi f’Buġibba u l-Qawra, iż-żona ta’ San Pawl il-Baħar bħalissa hija l-ikbar żona turistika ta’ Malta, ikbar minn San Ġiljan.
F’din iż-żona, jinsabu ħafna stabbilimenti ta’ Anġlu Xuereb, u għaldaqstant bħala kontributur kbir tal-industrija fiż-żona, l-ILLUM staqsietu x’jaħseb li għandu jsir sabiex it-turiżmu jitjieb, fid-dawl tal-fatt li ilu ma jsir xi proġett ta’ tisbieħ u infrastruttura fiż-żona sa mis-snin disgħin.
Bl-esperjenza tiegħu bħala żviluppatur, Xuereb jemmen li għandu jsir master plan dettaljat għal Buġibba u l-Qawra u skont hu, idealment jitwaqqa’ l-bini kollu, inkluż il-lukandi tiegħu, u jibda kollox mill-ġdid. “Sfortunatament, l-ippjanar ta’ Bugibba u l-Qawra sar biċċa biċċa u ma kienx hemm pjan ħolistiku għaż-żona kollha,” jgħid Xuereb.
Xuereb jemmen li Buġibba u l-Qawra huma l-post ideali fejn jitilgħu ‘high-rise buildings’, minħabba kif inhi l-art, f’forma ta’ peninsula bil-baħar fuq żewġ naħat. Fi kliemu, “jekk iż-żona tiġi żviluppata bi pjan tajjeb, il-post ikun isbaħ minn Tas-Sliema…però jrid ikun hemm pjan ta’ infrastruttura.”
Infatti, xi żmien ilu, Xuereb qal li huwa kien propona pjan għal aċċess aħjar għall-Qawra, permezz ta’ pont bejn is-Salina u l-Qawra, sabiex titneħħa d-dipendenza tal-aċċess minn rotta waħda. Huwa spjega l-importanza ta’ infrastruttura pjanata qabel isiru proġetti bħal ‘high rise buildings’, biex qabel jibda l-bini tat-torrijiet innifishom, li se jżidu t-traffiku fiż-żona, tinbena din ir-rotta ġdida, li skont hu, tista’ ssir faċilment b’pont, mhux għoli aktar minn tliet metri ’l fuq mil-livell tal-baħar jaqsam bejn is-Salina u l-Qawra.
Proġett ieħor li jservi biex Buġibba u l-Qawra jkunu aktar attraenti għat-turiżmu, skont Xuereb, ikun jekk issir ‘yacht marina’ kbira fil-bajja tas-Salina. “Għax tas-Sliema u Ta’ Xbiex mimlijin, apparti li m’hemmx waħda fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.”
“Huwa importanti li l-proġett jirrispetta l-poplu wkoll,” kompla jispjega Xuereb, fejn qal li n-naħa ta’ Fra Ben għandha tiġi msebbħa u jekk hemm bżonn imkabbra bħala żona tal-għawm għall-pubbliku.
Xuereb jiddeskrivi l-Master Plan neċessarju għaż-żona bħala ‘jigsaw puzzle’, li filwaqt li tinbena bil-mod fuq medda ta’ snin, tkun ġiet pjanata bir-reqqa minn qabel, bid-daqs u l-pożizzjoni ta’ kull biċċa mill-‘puzzle’ pjanat bl-eżatt. B’hekk skont Xuereb, anke l-għoli tal-bini jkun ġie deċiż u stabbilit minn qabel, sabiex hekk anke l-iżviluppaturi jħejju pjanijiet għal bini uniformi. Xuereb jissuġġerixxi wkoll li min ikollu art fil-viċin li ma jkunx jista’ jiżviluppa fl-għoli daqs il-binjiet tal-madwar, dan xorta jkun jista’ jbigħha lill-iżviluppatur u jaqla’ minnha daqs kemm kieku jkun żviluppaha hu stess. Għal dan iżda, l-Awtorità tal-Ippjanar trid toffri inċentivi lill-iżviluppaturi, kompla jgħid Xuereb, sabiex huma jkun jaqblilhom jiżviluppaw is-sulari ż-żejda.
Jinħtieġ aktar żvilupp sostenibbli fin-naħa t’isfel ukoll
Mistoqsi dwar x’jaħseb fuq l-iżvilupp fin-naħa t’isfel ta’ Malta, b’referenza partikolari għall-Jerma f’Marsaskala, Anġlu Xuereb jemmen li filwaqt li ma jridx jidħol fil-merti ta’ kif u minn min se jseħħ l-iżvilupp, huwa jemmen li l-post għandu jiġi żviluppat biex titneħħa l-kruha li hemm bħalissa. Jemmen li “jkun tajjeb li terġa’ ssir lukanda hemmhekk għax lukanda tiġġenera aktar attività kummerċjali, kemm bħala turiżmu, kif ukoll għan-negozji tal-madwar.”
Xuereb jemmen ukoll li fin-naħa t’isfel ta’ Malta jkun xieraq li ssir ‘yacht marina’ wkoll, u Marsakala jkun il-post ideali għal dan, sakemm din issir bi pjan li tħalli żoni tal-kosta riżervati għall-għawwiema.
Bħala parti mill-viżjoni ta’ Anġlu Xuereb għan-naħa t’isfel ta’ Malta, huwa kien propona ‘link’ bejn Tas-Sliema u l-Kottonera, sabiex apparti l-vantaġġi fir-rigward tat-trasport, titnaqqas dik id-differenza ta’ kultura bejn in-naħa ta’ fuq u t’isfel ta’ Malta. Permezz ta’ link, tiżdied il-faċilità li minn Tas-Sliema wieħed ikun jista’ jmur il-Birgu, u viċe versa mingħajr l-inkonvenjent ta’ ħin twil imwaħħal fit-traffiku.
Xuereb jemmen li mbagħad ikun faċli li jkun hemm sistema ta’ trasport bejn Smart City u Marsaskala għall-Birġu, fejn imbagħad min hemm jaqbdu d-dgħajsa għall-Belt, jew Tas-Sliema. Xuereb jemmen li din iż-żieda fil-konnettività titnaqqas mhux biss id-distanza fiżika bejn iż-żewġ żoni, iżda anke dik soċjali u kulturali.
‘Żgur li ma nerġax noħroġ għall-politika’
Bħala l-aħħar punt tal-intervista ma’ Anġlu Xuereb, l-ILLUM staqsiet jekk jitħajjarx jerġa’ joħroġ għall-politika, bħalma kien għamel meta ħareġ mall-partit ‘Azzjoni Nazzjonali’ fl-elezzjoni ġenerali tal-2008.
Għal dan, Xuereb rrisponda mill-ewwel, li “żgur li le.” Huwa saħaq li kulħadd jagħmel xi żball f’ħajtu, u min ma jagħmilx żball ma jitgħallimx. “Li ħriġt għall-politika kien l-iżball tiegħi,” qal Xuereb.
Dak iż-żmien li ħareġ għall-politika huwa kien emmen li l-esperjenza tiegħu fuq l-infrastruttura setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiż li tant iħobb, iżda meta mess ma’ dik id-dinja, irrealizza li l-politika hija differenti minn dak li ħaseb hu u wara ddispjaċih li daħal fiha.
Intant il-viżjoni ta’ Xuereb għat-tisbieħ ta’ pajjiżna ma tieqaf qatt, hekk kif bid-determinazzjoni u l-kreattività karatteristiċi tiegħu, huwa ma jieqaf qatt jiddisinja u jipproponi pjanijiet ħolistiċi għall-Belt Valletta, għan-naħat ta’ fuq u t’isfel ta’ Malta.