“Bħala eks deputat, jien imwarrab, mitfugħ f’rokna u ma neżistix”

‘Legalment Konrad Mizzi m’għamel xejn ħażin iżda politikament għamel suwiċidju’

Lino Debono magħruf bħala tan-Niksu kien deputat għal Għawdex bejn l-1981 u l-1992 mal-Partit Laburista. Persuna li għandu opinjoni dwar kollox fejn tidħol politika, għax skont u stess, “min jitwieled politiku jmut politiku”. Anke jekk illum jgħodd 72 sena, għadu attiv u jsegwi dak kollu li għadu għaddej. Opinjonista f’diversi ġurnali u rnexxielu jieħu l-presidenza wara votazzjoni għas-sentejn li ġejjin tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-eks membri Parlamentari minn 21 assoċjazzjoni Ewropea. Dan minbarra li hu s-segretarju tal-assoċjazzjoni Maltija tal-eks membri parlamentari wkoll. Iżda Lino Debono qal li jħossu abbandunat mill-partit li tant ta għalih fejn lanqas biss jiġi kkonsultat fuq il-gżira Għawdxija fejn għandu ħafna ideat x’jagħti.

Lino Debono hu magħruf bħala persuna bla kantunieri, li jitkellem kif iħossha dwar kollox u kulħadd li jpoġġih ftit bħala persuna kontroversjali. L-ewwel sentenza li qalli kif dħalt fid-dar tiegħu x-Xewkija kienet li biex titkellem fuq Għawdex trid tkun taf l-istorja ta’ Għawdex. Fejn pinġa lil Għawdex bħala blata ċkejkna ta’ 9 mili b’7, b’popolazzjoni ta’ 25,000 li titla għal 31,000 b’dawk li huma reġistarti Għawdex u bi 3,000 biss tkun il-popolazzjoni taż-żgħażagħ taħt it-18-il sena. “Dan jagħmilna gżira tax-xjuħ. Għawdex m’għandux riżorsi biżżejjed biex imantni lilu nnifsu u lanqas kuntatti ma’ barra ħlief meta jmur Malta li tgħaqqdu mal-Ewropa u pajjiżi oħra. L-amministrrazzjoni ċentrali hi Malta. Il-politiċi Għawdxin m’għandhom l-ebda ‘say’ fuq il-politika għal Għawdex. Jirranġaw xi triq iżda fejn jidħol is-sugu għall-politika ħolistika għal Għawdex ma jezistix. Minn sitt membri Għawdxin hemm min jinsisti u hemm minnhom li lanqas taf li qegħdin fil-Parlament għax ħalqhom dejjem magħluq.”

Hemm MPs Għawdxin li lanqas taf li qegħdin fil-Parlament għax ħalqhom dejjem magħluq

Allura dan ifisser li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed hemm għalxejn? “Nemmen li Għawdex għandu jkollu ministru li għandu jwassal il-karba tal-Għawdxin. Għax aħna ċ-ċittadini Għawdxin qed insiru nafu x’qed jiġi propost għall-gżira, mill-GTA, GBC u mill-assoċjazzjoni tal-Industrija. Iċ-ċittadin Għawdxi fejn hu? Jien bħala eks deputat imwarrab, mitfugħ f’rokna u ma neżistix. Naħseb li nista’ nagħti kontribut bil-pariri tal-esperjenza li ġbart fil-karriera politika tiegħi.”

Karmenu kien qal, jekk ma jogħġobniex Għawdex għandha titlob indipendenza minn Malta

Debono qal li hu dejjem kien iħambaq fil-pubbliku u f’avvenimenti tal-Partit Laburista li l-Maltin u l-Għawdxin huma aħwa u jridu jgħinu lil xulxin, “U l-leader ta’ dak iż-żmien li kien Karmenu Mifsud Bonnici qalli li jekk ma jogħġobhomx l-Għawdxin jitolbu l-Indipendenza minn Malta u hu jagħtihielhom. Ma stajtx nifhimha għax jien ċittadin Malti li ngħix fil-gżira t’Għawdex. Fi żmieni kont ipprovajt nagħmel triq bejn Ta’ Pinu li tiftaħ fejn illum hemm ir-roundabout ta’ ħdejn il-LIDL biex innaqqas it-traffiku mill-qalba tar-Rabat, Kien irnexxili nġib fondi ta’ €700,000 iżda x-xogħol twaqqaf wara tliet ġimgħat minn Ministru Laburist.

Għawdex sar ġungla li ħaduha erbgħa min-nies

“Dan juri li għad baqa’ dik il-mentalità li lil Għawdex narawh bħala presepju. Iżda llum lanqas presepju ma baqa’ għax sar ġungla sħiħa. Morru Rabat, Xlendi, Marsalforn, Kemmuna, ix-Xatt, ir-Ramla, Ħondoq ir-Rummien, erbgħa min-nies ħadu kullimkien. Illum Marsalforn lanqas timxi fuq il-bankina ma tista’ għax ħaduha kollha. Ix-Xlendi sal-parking spaces ħadu biex ipoġġu l-imwejjed. Għawdex fejn sejjer? X’hemm għall-futur għal 1,200 student Universitarju li jmorru jistudjaw Malta meta hawn Università hawn li tista’ taqdi għal ċerti korsijiet? Liema politiku qatt taha każ li dawk li jispiċċaw mis-6th form qed jagħżlu li jieqfu jistudjaw biex ma jmorrux lejn Malta?”

Lino semma’ li l-aqwa turist hu l-Malti li jonfoq, jaf jixxala u jgawdi. “Iżda t-turisti li jiġu minn Buġibba għal ġurnata ma jħallu xejn għax anke packed lunch ikollhom u ħlief l-aġent, il-Gozo Channel u tal-coaches ma jgawdux. Iżda dan għandu jkun l-pjan għall-futur t’Għawdex? Hemm bżonn pjan għal 40 sena għal Għawdex li s’issa ħadd ma ħareġ bih.”

Lino Debono kkritika wkoll il-proġett taċ-Ċittadella fejn qal li għalkemm qed niftaħru bil-proġett għadu sar nofsu biss, “Sabu l-bieb li jagħti għal Marsalforn radmuh u ħallewh hekk. Fiċ-Ċittadella kienu jgħixu 2,600 persuna, dan il-bini qiegħed fl-għelieqi fejn hemm ir-ristorant u fejn hemm il-kappella, biċċa mill-arkati għadhom jidhru iżda ħallejniehom mirduma. Mela x-xogħol ta’ skavar ma sarx kollu.”

L-eks deputat Laburista qal ukoll li hu jmeri kull statistika li joħroġ il-gvern fejn qed jiftaħar li l-GDP ta’ Għawdex kiber aktar mill-GDP ta’ Malta. “Jekk tgħidli li Għawdex das-sajf mar aħjar ekonomikament, ngħidlek vera dis-sena Għawdex mar tajjeb ħafna. Iżda meta l-Ministru Scicluna jqabbel il-GDP bejn Malta u Għawdex l-istatistika tidħak bik skont kif ipoġġihielek il-bniedem. Jekk Malta daħlet €100 u kellha żieda ta’ €10 oħra tfisser li l-GDP kiber b’10%. Issa jekk Għawdex daħħal €1 u kellu żieda ta’ €1 ieħor tfisser li kellu żieda ta’ 100%. Iżda liema hi l-akbar żieda l-€10 jew l-€1?

Dejjem kien hemm il-ħabi u wasal iż-żmien li jispiċċa

“Fir-realtà Għawdex maqtugħin minn ħafna affarijiet u m’hemmx pjan ħolistiku għal Għawdex mill-ebda naħa, ħlief dan il-proġett ta’ Bart li meta dan isir għandu jgħin lil Għawdex. Għalkemm nixtieq nara l-kuntratti li saru f’dan il-proġett għax nemmen li l-gvern qiegħed hemm biex jirrapreżenta lill-poplu. Mhix skuża li hemm affarijiet mhux fl-interess tal-poplu. Int qiegħed hemm f’isem il-poplu, għall-poplu u mtella’ mill-poplu. Dejjem kien hemm il-ħabi, anke jekk hemm min issa qed jilgħabha tal-verġni u nemmen li dan il-ħabi wasal iż-żmien li jispiċċa.”

Lino faħħar ħafna x-xogħol li qed tagħmel Justyne Caruana fil-qasam tal-anzjani u diżabilità fejn b’dak li ħolqot Għawdex hi tat dinjità akbar lill-anzjani Għawdxin. “Iżda l-bqija m’hemm ir-rieda u viżjoni fejn irridu mmorru. Nirranġa din it-triq, inraqqa l-oħra u ejja ħa mmorru. U l-Għawdxi jċapċap. Anke tkellimt fil-pre budget meeting immexxi mill-Professur Scicluna, weġibni persuna u l-kanvassers tiegħu bdew iċapċpu u dan tal-istess partit. Iżda jien nimxi skont il-proverbju Taljan, ‘O dio prottegimi dai miei amici ed io penso ai miei nemici.”

Jew elezzjoni jew gwerra ċivili

Kont naf li Lino Debono kien suldat tal-Perit Mintoff u tlabtu jgħidli x’kien jgħid u x’għamel għal Għawdex Mintoff. “Mintoff kien ħa ħsieb Għawdex fl-1955, meta għamel il-fabbrika tal-MMU, meta bena l-iskejjel madwar Għawdex kollu, meta ta l-asfalt it-toroq għax jien niftakar li meta kont immur l-iskola l-art kienet kollha trab u Ġużepp minn Kerċem biż-żiemel kien jiġi u jxarrab l-art f’nofsinhar eżatt biex ma jtirx it-trab. Fl-1975 għamel it-tarmak. Il-kotba b’xejn fil-Lyceum hu ġabhom. Il-vapur ‘Għawdex’ hu xtrah. U jien kelli ġlieda kbira miegħu dwar in-noll li kien għamel li kien ta’ Lm1 kuljum meta l-paga kienet ta’ Lm7 fil-ġimgħa. Ħafna kienu jibżgħu jivvutaw kontrih anke jekk ma jaqblux miegħu, iżda jien ma kontx niddejjaq għax Mintoff jekk tagħtih argument tajjeb idur u jaqbel miegħek. Tant li kien għamilni fil-bord biex nirranġa l-prezzijiet u kont waqqajthom għal ftit ‘xelini’ dak il-ħin. Xtrajna tliet vapuri oħra u kont jien li bdejt is-servizz għal 24 siegħa kuljum.” Semmieli wkoll meta Mintoff ried jagħmlu segretarju parlamentari għal Għawdex f’Diċembru tal-1982 u xi ħadd fesfes f’widnejn Mintoff li jekk jagħmel dan kien se jaqla’ inkwiet f’Għawdex u spiċċa ma sarx.

Meta Lino jitkellem dwar Mintoff jintilef f’rakkonti li tixtieq iollok gazzetta sħiħa biex tiktibhom. Iżda rakkont minnhom ma nistax ma nsemmihx meta Mintoff rebaħ l-elezzjonijiet b’maġġoranza ta’ siġġijiet u b’minoranza ta’ 5,000 vot. “Eddie l-ewwel aċċetta t-telfa u ġimgħa wara qal li r-rebħa kienet tiegħu. Mintoff laqqagħna u ried li wara sitt xhur ssir elezzjoni oħra, u aħna kollha sal-inqas wieħed ma qbilniex miegħu. Mintoff di fatti kien irriżenja ftit wara u qal li hu ma kienx kuntent li jiggverna b’minoranza. Jien għalija kellu jirriżenja fil-31 ta’ Marzu 1979 meta hemm laħaq il-quċċata tiegħu għax min hemm beda jillapazzja u jraqqa’, iżda anke wara li rriżenja baqa’ jinsisti u jiltaqa’ ma’ Gwido DeMarco fil-villa tiegħu f’Ta Ċenċ sa ma ġraw żewġ avvenimenti li biddlu kollox. Il-meeting taż-Żejtun bl-inċidenti f’tal-barrani u meta nqatel Raymond Caruana. Minn hawn Mintoff kellu l-appoġġ kollu tagħna li jew issir elezzjoni jew gwerra ċivili.”

Donnu llum kulħadd qajjem rixu  ... qabel ħadd ma kien jitkellem

Tlaqna ftit minn Għawdex u Mintoff u tkellimna dwar il-politika tal-lum fejn qal li ħasra li l-poltiċi qed iġibu l-politika bħala istituzzjoni ta’ korruzzjoni u beda jelenka l-ġid u l-progress li sar f’Malta matul is-snin li kien mertu tal-politiċi miż-żewġ naħat. “Li qed idejjaqni llum hu li d-dar qed titkisser minn ġewwa. L-Oppożizzjoni tant qed tagħmel kritika negattiva li indirettament qed tniżżel lilha nnifisha ’l isfel. Il-politika Maltija għandha dmir li tfaħħar dak l-investiment li jsir tajjeb u mhux tikkritika dak kollu li jagħmel il-gvern biex tkun fl-oppożizzjoni. Per eżempju naqbel mal-ambjentalisti li jiġġieldu għall-art ODZ, speċjalment nammira lill-Astrid Vella li ma tħarisx lejn partit biex tiġġieled favur l-ambjent għax għandha aġenda ġenwina. Iżda rrid ngħid li donnu llum kulħadd qajjem rixu għax qabel dawn l-affarijiet saru u ħadd ma kien jitkellem. Jekk tipprotesta b’mod ġenwin tajjeb iżda jekk tipprotesta biex tostakola dik ħaġa oħra.”

Is-suldati tal-azzar illum

Staqsejt lil Lino kif ħassha meta sema lil Joseph Muscat sejjaħ lil Cyrus Engerer suldat tal-azzar waqt attività tal-massa tal-Partit Laburista, “Ma ħadtx pjaċir biha. Li bniedem ikun ġej minn kamp oppost u tagħtih kariga għax ikun kapaċi, għandu dritt. Iżda li jissejjaħ suldat tal-azzar ma naqbilx. Għax is-suldati tal-azzar, kienu dawk il-Laburisti Għawdxin bħal Ġanni Zammit tal-abjad mix-Xewkija li kellu 11-il wild u mitulu eżatt mat-twelid u kienu jgħidu li ħadomlu Alla għax kienu Laburisti u twieldu mxajtnin. Suldati tal-azzar, il-Laburisti li għexu Għawdex fi żmien il-kwistjoni tal-knisja, fejn kienu jobżqulna fit-triq, iwaddbulna l-ġebel, isawtuna u anke ma jagħtunix xogħol biex joqtluna bil-ġuħ fejn kienu ħafna l-laburisti li kellhom jemigraw, minħabba f’hekk.”

Lino qal li mhux qed jara pjan ta futur min-naħa tal-Oppożizzjoni, “iridu jkunu aktar kawti kif jagħmlu l-kritika u ma jarawx kollox ħażin iżda jgħidu dak li hu. B’dan il-mod mhux qed tkun kredibbli biżżejjed.”

Joseph Muscat għandu nuqqas ta’ trasparenza

Staqsejtu min jaħseb li kienu l-aqwa Prim Ministri f’Malta fejn qalli li Mintoff kien l-aqwa li qatt kien hawn u warajh kien Gorg Borg Olivier. “Joseph hu tajjeb, iżda għadu kmieni biex tpoġġih mal-aqwa f’ċertu affarijiet ma naqbilx miegħu, speċjalment fejn tidħol in-nuqqas ta’ trasparenza u anke fil-każ tal-ambjent. Għalkemm fl-ekonomija qed jagħmel il-mirakli.”

Dak ta’ Leo Brincat kien paroli żejjed

L-eks deputat Parlamentari Għawdxi tkellem ukoll fuq il-każ ta’ Leo Brincat, fejn qal li m’hemmx dubju dwar l-integrità tiegħu, iżda jħossu diżappuntat għal mod kif wieġeb Leo Brincat quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew, “Assolutament ma naqbilx ma’ Leo Brincat li parla żżejjed meta qal li kien se jirriżenja ‘u li kieku rriżenjajt kont niġi hekk’. Jien u leo Brincat konna dħalna fil-parlament flimkien fl-1981 u qatt ma rajtu jxejjer xi bandiera mal-leader. Jidher quddiem mal-leader iva imma qatt ma rajtu jxejjer bnadar. Dawk paroli żejda li qal. Kien imissu qal li hu għandu regolament tal-whip tal-partit u jrid jivvota skont li jgħidlu hu u xejn iżjed.”

La ġab id-diskors fuq Leo Brincat ma stajtx ma nsemmilux il-każ tal-Panama u x’kien jagħmel hu li kieku kien hemm, “kont nimxi mal-linji tal-partit. Iżda mija fil-mija ma naqbilx mal-każ tal-Panama. Konrad Mizzi m’għamel xejn illegali, iżda politikament Konrad Mizzi għamel suwiċidju.”

Qabel temm l-intervista Lino qal li meta xi ħadd joħroġ għall-politika l-partiti għandhom ikunu jafu għaliex il-kandidat se joħroġ. X’inhuma l-aspirazzjonijiet u l-ideat tiegħu għal pajjiżna u mhux għax hu għalliem jew preżentatur eċċ. “Każ partikolari hu ta’ Salvu Mallia. Il-programm tiegħu hu edukattiv u jogħġobni u darba ssuġġerejt lil Evarist Bartolo biex il-programmi tiegħu jintwerew fl-iskejjel lit-tfal. Però minn nej sar maħruq. L-ewwel nett, Simon Busuttil għamel żball li f’attivita tal-indipendenza ġab persuna li ħadet aktar prominenza fil-media minnu. Ħaġa li skantatni kien kif Mallia qal li jekk Simon ma joqgħodx attent anke lilu jneħħi. Dan għadu qas biss daħal fil-klabb u diġà ħa jneħħi lil-leader. Bħala storiku nneħħilu l-kappell iżda bħala politiku le. Iżda rrid ngħid ukoll li l-programm tiegħu qatt ma kellu jitneħħa minn fuq il-PBS. Aktar kont inneħħi ta’ Peppi Azzopardi għax jagħmel il-programmi fuq il-miżerji ta’ ħaddieħor filwaqt li Salvu jagħmel programmi intelletwali u interessanti.”

More in Intervisti