Ma jiċħadx li se jikkontesta fuq Għawdex
Id-deputat parlamentari Ċensu Galea jgħid li f'Għawdex hemm spazju biex ikun hemm iktar kandidati
More in Intervisti
Id-deputat parlamentari Ċensu Galea jgħid li f'Għawdex hemm spazju biex ikun hemm iktar kandidati
Ġimagħtejn ilu, il-gazzetta ILLUM irraportat kif Ċensu Galea jaf ikun kandidat tal-PN f’Għawdex għall-elezzjoni li jmiss. F'intervista ma' din il-gazzetta, id-deputat veteran jitkellem dwar dan.
Minkejja li tlabtu jikkonferma jew jiċħad dan, Galea joqgħod lura. Meta tlabtu jgħidli jekk hux qed jitħajjar jikkontesta fuq Għawdex, wara ħafna tidwir mal-lewża, fl-aħħar wieġeb, “Ma neskludix” u “iva qed nitħajjar.”
“Veru li kien hemm numru ta’ nies li ħajruni u għadhom iħajruni biex nikkontesta fuq Għawdex, imma sal-lum għad xejn mhu uffiċjali li jien se nikkontesta fuq Għawdex. Id-deċiżjoni neħodha jien u finalment japprovaha l-Partit. S’issa għadni ma ħadtiex.”
Mitlub jgħid jekk ir-raġuni li jikkontesta fuq Għawdex hix biex jagħti spazju lil bintu Graziella, biex tiġi eletta fil-Parlament mid-distrett ta’ San Pawl il-Baħar, Galea qal li mhux lok li jagħti spazju lil ħadd. “Ir-raġuni hi li skont nies li kellmuni, preżentament f’Għawdex hemm ċertu spazju biex ikun hemm rappreżentanza akbar ta’ kandidati.” Il-perit Ċensu Galea qal li għalkemm hu Malti ,wieħed irid jifhem ukoll li f’Għawdex hemm madwar 4,000 votant Malti li jivvota fuq Għawdex, “u minn dawn, l-aktar li kkuntattjawni.”