'Għandi enerġija biżżejjed biex inservi fuq żewġ distretti'
“Il-kilba tal-poter Simon qed tikxiflu jdejh u l-poplu mhux ċuċ u meta jasal il-waqt jsammar il-vot tiegħu”
minn John Busuttil minn Brussell
F’kull konferenza li naraw lis-segretarju parlamentari għal-fondi ewropej, Ian Borg dejjem nisimgħuh isemmi l-kisbiet u bini ta’ proġetti ġodda b’fondi Ewropej. Iżda jibqa fatt li għalkemm dak li jitkellem dwaru Ian Borg hu ferm pożittiv u sabiħ għal pajiżna, il-poplu qed jitkellem biss fuq l-attakk qawwi li l-oppożizzjoni qed tagħmel fuq il-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi bil-kontijiet tal-Panama. “Din mhux l-ewwel darba li l-oppożizzjoni tagħmel minn kollox biex lil poplu tnessieh u taljenah mill-ġid li qed isir. Fuq skala iżgħar kellna l-attakk fuq il-Ministru Chris Cardona (li sal-lum għadna ma smajniex bi prova waħda) proprju fil-ġurnata li f’Malta kellna is-summit tal-kapijiet tal-istati Ewropej.
“L-attakk fuq il-Prim Ministru, alla jista kollox sar fil-ġimgħa meta ħabbarna li wara 36 sena il-pajjiż għamel surplus ta’ 100 miljun. Għaddew ġimgħat u sal-lum ħadd għadu ma laqa l-isfida tal-Prim Ministru li jġibu prova waħda li dak li ġie allegat f’dan il-frame up politiku hu minnu. Saħansitra llum għandna l-kap tal-oppożizzjoni li issa qed jgħid li dwar Egrant ma jistaqsux lilu u fetaħ il-kanuni fuq Keith Schembri. Nesa l-egrant u nesa lil mara tal-Prim Ministru. Din hi perikoluża ħafna u għandna theddida għas-suċċessi li ksibna, fil-qasam tax-xogħol, tal-enerġija, tal-edukazzjoni u nista nibqa sejjer insemmi kemm trid. Bażikament għandek il-partit nazzjonalista li jixtieq jiddistabiliżża l-istituzzjonijiet u ma jħallix lil poplu jħoss il-ġid li qed jingħata.”
Fid-dimostrazzjoni tal-Ħadd il-kap tal-oppożizzjoni talab lis-servizzi sigrieti biex jingħaqdu ma diversi istituzzjonijiet oħra biex ineħħu lil prim ministru, filwaqt li ħeġġeġ lil pulizija biex ineħħu lil kummissarju tagħhom. “Naħseb li Simon Busuttil għażel li jilgħab logħba perikoluża ħafna, liema logħba qed iddaħħlu ġo sqaq. Hu jaf li għandu problema ta’ kredibilita mal-poplu u anke internament fil-partit u t-tentattiv tiegħu hu li dak li qed jipponta lejh qed jipprova jitfgħu fuq il-prim ministru. L-isfortuna għalih hi li l-prim ministru mhux biss baqa fdat mill-poplu kollu iżda għandu wkoll ‘track record’ pożittiv li wettaq dak li wiegħed bħal fil-każi tat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija, fin-nuqqas tal-income tax, iż-żieda fil-pensjonijiet, iċ-childcare b’xejn, tablets b’xejn lill-istudenti u ħafna u ħafna oħrajn li l-PN inkluż Simon Busuttil ħames snin ilu kienu jgħidu li dawn ma kinux possibbli li jsiru. Iżda in-nies qed jgħixu dawn il-wegħdiet u dan kollu qed jikontribwixxi għal possibilita reali li hu jkun l-uniku kap mill-Indipendenza ‘l hawn li ma jkunx fdat mill-poplu biex imexxi dan il-pajjiż. U dan il-fatt qed iwasslu għall-istat ta’ ansjeta li għandu. Iżda li tirrikorri għal diskorsi bħal dawk li int qed tikkwotali hu perikoluż ħafna. Id-dwejjaq tiegħi hu li dak id-diskors hu perikoluż għal pajjiż għax wara l-elezzjoni ġenerali hemm il-familji kollha li kull filgħodu jridu jqumu għax-xogħol u jkomplu l-ħajja tagħhom. “
Dwar l-elezzjoni Ian Borg qall “Il-Prim Ministru qalilna biex naħdmu għall-elezzjoni li jmiss mill-ewwel ġurnata li tlajna fil-gvern. Hekk għamilna u hekk se nibqgħu nagħmlu.”
Ian Borg se jikkontesta mhux biss is-seba distrett iżda anke s-sitt distrett, “L-aħħar elezzjoni id-deċiżjoni li noħroġ fuq is-sitt distrett ħadtha tard u ma kellix ċans naħdem fuqu u ffukajt ħafna fis-seba distrett. Barra hekk fis-sitt distrett dak in-nhar kien hemm ġgant li għandi rispett kbir lejha, Marie Louise Coleiro li żgur il-vojt li ħalliet f’dak id-distrett ma jista jimlih ħadd fejn inkun prużuntuż jekk ngħid li se nkun jien li nimlih. Iżda llum jien inħoss li għandi dik l-enerġija u b’umilta lest li nservi lil dawn iż-żewġ distretti.
“Min jafni jaf biżżejjed li jien minn filgħodu sa filgħaxija moħħni fin-nies li tellawni. Għandi isem li jien nieħu ħsieb il-kostitwenti tiegħi u dan m’għandux iħammarli wiċċi anzi ridt nuri sew li billi jkolli xogħol ta’ segretarju Parlamentari xorta nara kull ġimgħa lin-nies fiż-żewġ distretti u nżur dawk il-familji sew li jkunu talbuni huma kif ukoll dawk li skont l-opinjoni tiegħi nkun nħoss li għandi nżurhom. Ma trid qatt tinsa lil dawk li jkollhom fiduċja fik allura trid tieħu ħsieb lil kull kostitwent miż-żewġ distretti matul il-leġislazzjoni kollha u mhux qabel l-elezzjoni biss.”
Fuq is-siti soċjali taqra ħafna ‘posts’ ta’ laburisti li jgergru għax ma nqdewx jew anke għax l-eks nazzjonalisti inqdew filwaqt li l-laburist ġenwin baqa jsaffar. Ian Borg idur il-kostitwenti regolari u qal hekk dwar dan “Inkun qed nidħak bik jekk ngħidlek li ma jkunx hemm min jesprimi dawn is-sentimenti. Il-politika hi li tisma u tfiehem il-politika tal-moviment lil dawn it-talin li jkunu għaddejjin minn dan id-dwejjaq u uġigħat personali tagħhom. Jekk bniedem għandu raġun wieħed irid jara li bis-sistema li għandna jagħtuhulu. Jekk ovvjament m’għandux raġun allura trid tkun kuraġġuż (u jien nagħmilha) u nispjegalu għaliex dak li qed jitlob ma jistax jieħdu. Hawnhekk joħroġ il-karattru tal-politiku għax għandi sfida aktar li ngħid le milli ngħid iva. It-teorija tiegħi hi li meta jasal iż-żmien li jien nimxi għal karriera tal-ġudikatura (għax ma nixtieqx nagħmel ħajti kollha fil-politika) ma nixtieqx ngħaddi mill-pjazza tar-raħal u xi ħadd jgħid li jien dħakt bih. Nippreferi li nkun onest u ma nwiegħedx kollox lil kulħadd. Il-vot hu tal-individwu u għandu dritt jagħmel li jrid bih. Ma jistax li l-politiku jsir ostaġġ tat-theddida tal-vot.”
Ian Borg kompla qal li meta l-politiku jkun ħadem ħafna u jkollu x’juri x-xogħol li għamel matul leġislatura jkollu ċans inqas li jaqa għat-theddid tal-vot. “Kull vot jgħodd iżda mhux kull vot akkost ta’ kollox li tagħmel pjaċiri li persuna ma jkunx ħaqqu. L-approċċ tiegħi hu li nfakkar lil laburisti li huma mweġġgħin li hemm għażla waħda li jew tagħti mandat għal darb’oħra lil Joseph Muscat u jekk għadek tistenna li ssir ġustizzja forsi bi ftit paċenzja tieħu dak li ħaqqek jew tagħti mandat lil Simon Busuttil li jkun prim ministru sew jekk tivvutalu u anke jekk tiddeċiedi li ma tivvutax. No vote ifisser vot lil Simon Busuttil. U hawnhekk b’mod li mpressjonawni nesperjenza kif il-poplu laburista (anke dawk imweġġgħin) meta tgħidilhom hekk jireaġixxi billi jgħidlek, ‘le ma rridx li Simon busuttil imexxi dan il-pajjiż’.
“Aħna għamilna koalizzjoni mal-poplu u hekk se nerġgħu nagħmlu fl-elezzjoni li jmiss meta jkun il-waqt L-azzjonijiet ta’ Busuttil li għamel koalizzjoni ma’ partiti oħra kkonfermaw li waħdu ma jistax jkun qatt fdat u allura qed jipprova jqabbad ma partiti ferm iżgħar biex jasal għal poter. Il-kilba tal-poter tiegħu qed tikxiflu jdejh. U l-poplu mhux ċuċ u meta jasal il-waqt jsammar il-vot tiegħu.”
Ian Borg qal li l-partit laburista fil-gvern għamel ħafna pożittiv. “In-nies saret tgħarbel u intelliġenti biżżejjed fid-deċiżjonijiet tagħha u m’għandix dubju li dawn se jagħtu l-vot lil min ħadem. Ovvjament nirrispetta l-avversarju politiku tagħna, iżda nemmen li l-ħidma tagħna għandha tħalli l-frott fil-ġurnata tal-ġudizzju.”
Ian Borg kellu l-ewwel impatt mal-politika meta 12-il sena ilu meta kellu biss 19-il sena inħatar bħala l-iżgħar sindku f’Malta fil-kunsill lokali ta’ Ħad-Dingli, fil-preżent hu l-iżgħar membru tal-kabinett Malti meta ngħata dan l-inkarigu meta kellu biss 27 sena. “Meta sirt sindku l-għan tiegħi kienet li nagħmel xi ħaġa fil-lokalita ta’ ħad-Dingli u kienet esperjenza mill-isbaħ li taħdem għal lokalita tiegħek u fil-fatt tlajt tliet darbiet bħala sindku. B’dik il-fiduċja mxiet mill-bażi ta’ lokalita għal bażi distrettwali. Meta in-nies tas-seba distrett tawni l-fiduċja tagħhom kont emozzjonat iżda kont sorpriż u emozzjonat iżjed meta l-prim ministru kellimni fuq il-portafoll li offrieli.
“Għax ir-rwol li tani kien wieħed orizzontali ħafna, sew tal-fondi kif ukoll tal-presidenza, apparti li stajt naħdem ħafna mal-ministru Louis Grech li sibtu ta’ spalla għalija. Bħala fondi wettaqna ħafna u ħafna proġetti fl-oqsma kollha u anke fil-presidenza fejn kellna l-ministri u l-ministeri kollha involuti. Dan kollu servieni biex tgħallimt kemm għandna amministrazzjoni maħduma tajba. In-nies tagħna taċ-ċivil huma nies li jservu lil pajjiżna irrispettivament min ikun fil-gvern bl-aħjar mod possibbli. Matul il-presidenza taw eżempju li ssalvargardjaw l-interessi mhux biss ta’ pajiżna iżda wkoll tal-Unjoni ewropea. U l-kisbiet li għamilna u fi ħsiebna nagħmlu matul ix-xhur li baqa tal-presidenza hu mertu tagħhom, tad-diretturi, diretturi ġenerali u anke ta’ uffiċċjali fuq grad iżgħar li ħadmu biex jagħtu d-direzzjoni lill-uffiċjali li għandna f’Dar Malta. Żewwiġna ż-żewġ ħiliet fejn anke l-ministri ħallew impressjoni pożittiva ħafna fl-istituzzjonijiet Ewropej.”
F’din l-intervista Iddeċidejt li ma nissikutux iżjed il-presidenza mas-segretarju Parlamentari Ian Borg li f’idejh għandu l-istess presidenza iżda ma stajtx nħalliha barra għal kollox
“Meta tqis li l-iżgħar stat membru fl-ewropa ridna nieħdu ħsieb li mmexxu 150 kunsill preparatorju bħala presidenza u fl-istess waqt is-segretarjat tiegħi ridna nibqgħu għaddejjin bix-xogħol normali tagħna ma kinitx xi ħaġa faċli. Għal kull wieħed trid tipprepara l-aġenda tiegħek, trid tikkonsulta mal-istati l-oħra u imbagħad trid tiddeċiedi billi tasal għal kompromess. Naħseb li sew dak li qed isir f’Malta kif ukoll dawk li qed jieħdu ħsieb il-laqgħat fi Brussell qed issir biċċa xogħol tajba. Iżda nħalli lil ħaddieħor jiġġudikana. Irrid nammetti li aħna l-Maltin kapaċi nqumu għall-aspettativa u għall-okkażjoni.
“Aħna qed nagħmlu dan mhux għalina iżda għal pajjiż. Il-ħaddiema mhux qed jaħdmu għal ian Borg jew għal Joseph Muscat iżda għal Malta u hawn ta min ifaħħar lil mijiet ta’ uffiċċjali Maltin li ħadmu u għadhom jaħdmu f’din il-presidenza.”
Is-segretarju parlamentari Ian Borg temm l-intervista billi qal li jħossu fortunat li kellu rwol fejn b;mod tanġibbli għad jgħaddi flimkien ma’ martu u ma wliedu fil-futur, “u ngħid li jien kelli sehem żgħir li ħallejt xi ħaġa biex igawduha ta warajja.”