‘Naħseb nista’ nġib sens ta’ integrità ġdida fil-politika’ - Peter Agius
Peter Agius huwa kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u ġie intervistat fuq il-ħsibijiet tiegħu rigward l-irwol li jilgħab il-Parlament Ewropew u kif dan jaffetwa l-Maltin fost l-oħrajn
Int kont qed tissemma’ bħala kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew u komplejt taħdem wara l-elezzjoni biex issa resqin għal elezzjoni oħra fit-8 ta’ Ġunju 2024. X’jispirak tibqa’ taħdem?
Għalija l-akbar privileġġ huwa li tkun f’relazzjoni man-nies, tifhem il-problemi tagħhom u tistinka biex iġġib soluzzjonijiet prattiċi. Fl-aħħar snin il-politika ħadet isem ħażin għax kien hemm ħafna abbużaw mill-fiduċja tan-nies. Jien irrid inġib fiduċja ġdida. Irrid nuża dak kollu li tgħallimt f’20 sena naħdem fl-Ewropa għall-ġid ta’ pajjiżi. Qed insib ħafna nies li lesti jkunu parti minn din il-mixja. Dawn jimlewni b’kuraġġ u determinazzjoni li l-politika tista’ tinbidel.
Hemm kritika li min isir kandidat għall-Parlament Ewropew qed jagħmel hekk għall-interessi personali tiegħu, jiġifieri dawk fiskali. Veru?
Għal uħud dan jista’ jkun. Il-pagi tal-MEPs jidhru li huma pagi tajbin ħafna, però meta tqabbilhom ma’ dak li jitħallas professjonist Brussell fis-settur pubbliku jew privat huma pagi normali. Meta niltaqa’ man-nies u jgħiduli li l-MEPs jitħallsu l-eluf kbar jiena ngħidilhom li dan huwa vera iżda li jekk allura ma nagħżlux l-aħjar nies jirrapreżentawna nkunu verament qed naħlu l-flus. La qed inħallsu tajjeb, importanti li jkollna l-aħjar servizz u dan jirrikedi kompetenza u determinazzjoni li ġġib riżultat għal Malta u Għawdex.
Qed ngħixu mument fejn l-Ewropa qed titbiegħed minn nies u n-nies qed jitilfu interess fil-politika. Kemm hu validu x-xogħol tal-Parlament Ewropew?
Bħalissa l-Parlament Ewropew għandu 150 abbozz ta’ liġi quddiemu. Dawn kollha jistgħu jaffettwaw il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. L-Ewropa dejjem iżżid il-kompetenzi tagħha u issa saret tgħaddi tal-anqas nofs il-liġijiet li jolqtuna fil-laħam il-ħaj f’pajjiżna. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha huma relevanti ħafna għall-Maltin. Jekk in-nies jitilfu l-interess, ikun jew għax mhux qed ninfurmaw biżżejjed kif dak li qed jiġi deċiż ser jolqothom, jew inkella għax in-nies qed jaraw il-politika li saret ftit teatrin ta’ immaġini u pożi.
Jiena nemmen li hemm bżonn ninfurmaw aktar u nkunu ħafna aktar prattiċi u dettaljati. Irridu wkoll inkunu onesti u nispjegaw il-verità u mhux nużaw l-affarijiet biex nidhru għall-gazzetti. Hemm bżonn nistudjaw bir-reqqa kif liġijiet jew inizjattivi partikolari jkunu ser jaffettwaw setturi partikolari. Fl-esperjenza tiegħi, meta tispjega sewwa, imbagħad in-nies jieħdu interess qawwi u jkunu jridu li żżommhom aġġornati b’dak li għaddej fl-Ewropa. Bħalissa pereżempju qed norganizzaw laqgħat Ejja u Saqsi fejn in-nies jiġu u jsaqsu fuq l-Ewropa u fuq Malta – qed ikollna attendenzi impressjonanti u n-nies qed jieħdu gost jitgħallmu xi ħaġa li sservihom fil-ħajja ta’ kuljum.
Matul dawn l-aħħar ħames snin smajna ħafna mill-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Imma ma taħsibx li ma kinux ġusti magħna u nesew x’jiġri f’pajjiżhom?
Il-Parlament Ewropew ħa deċiżjonijiet iebsa ħafna fuq il-Polonja u l-Ungerija u ċert li jieħu deċiżjonijiet fuq pajjiżi oħra meta jkun hemm bżonn. In-narrattiva ta’ xi Ewropej li jgħiru għalina jew jaqbdu magħna għax aħna żgħar hija pwerili u mhux vera. Irridu nifhmu li meta dħalna fl-Ewropa dħalna wkoll għal skrutinju minn sħabna l-Ewropej. Huwa evidenti wkoll li jekk il-Gvern ikun qed jagħmel żbalji kbar li jwaqqgħulna wiċċna l-art, huma l-Gvern jew il-politiċi involuti li jridu jistħu minn għemilhom u mhux min jitkellem fuqhom.
Personalment nemmen li għandna bżonn ta’ metodi ġodda kif niġġieldu l-battalja tal-korruzzjoni f’Malta u jiena lest li nuża l-għodod tal-Ewropa għal dan, però nemmen li nistgħu inġibu aktar riżultati fuq il-livell tekniku aktar milli fil-livell politiku. Għalhekk ser naħdem biex nikkonvinċi l-Ewropa tagħmel xogħolha aktar biex tara li l-liġijiet Ewropej jiġu applikati tajjeb hawn Malta u mhux inkunu Ewropej biss fuq il-karta.
Il-Partit Nazzjonalista għandu kriżi, imma qisu ħadd ma jrid jammetti li l-vera problema jinsab fl-għażla tal-kap. Taqbel?
Biex taffronta l-Partit Laburista li m’għandux skrupli li jixtri jew jisraq il-voti u jaħli flejjes pubbliċi fuq il-ftit ħbieb tal-qalba irid ikollok kap erkoljan. In-Nazzjonalisti għandhom aspettazzjonijiet kbar ħafna għax iridu b’ħerqa kbira li jaraw il-pajjiż jerġa’ jaqbad it-triq tad-deċenza. Naħseb li kulma jmur, il-Maltin ta’ rieda tajba qed jirrealizzaw li l-aħjar mod kif ibiddlu l-affarijiet fil-pajjiż huwa li tgħin lill-PN.
Bla dubju l-PN bħalissa għad irid isir aktar effiċjenti kif jasal bil-messaġġ, però huwa evidenti wkoll li fl-aħħar snin qed nibnu kisba fuq oħra fejn il-poplu qed jirrealizza li l-PN dejjem kien miegħu. Dan nistgħu ngħiduh għall-kwistjoni tal-abort, għall-kuntratt frawdolenti tal-vitals, għas-settur tal-enerġija, tas-saħħa u tal-ambjent fost l-oħrajn.
Personalment għent kemm flaħt lil Dr Simon Busuttil u wara għent kemm flaħt tant li aċċettajt li nkun kandidat ma’ Dr Adrian Delia u mbagħad għent kemm flaħt lil Dr Bernard Grech tant li aċċettajt li nkun kelliem u mbagħad kandidat. Bħali hawn eluf li qed jagħtu kontribut u nemmen li jekk nibqgħu nibnu b’determinazzjoni ser naslu.
Inti bħala Peter Agius, x’tista’ toffri li ħaddieħor ma jistax joffri jekk tingħata l-fiduċja fl-elezzjoni li ġejja?
F’20 sena naħdem mal-Unjoni Ewropa ħdimt ġol-magna nnifisha tal-Ewropa u tgħallimtha b’mod dettaljat anke għax ħdimt f’aspetti differenti ħafna.
Il-vokazzjoni tiegħi hija li nagħti lura lill-poplu l-privileġġ kbir li ngħatajt bis-saħħa tal-viżjoni ta’ Malta fl-Ewropa. Irrid li Malta jkollha vuċi b’saħħitha ħafna fl-Ewropa biex niddefendi u nippromovi l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan naf li nista’ nagħmlu għax ġa għamiltu. Sa issa għamiltu f’isem u għall-Ewropa kollha, ’il quddiem nista’ nagħmlu b’mod iffukat fuq il-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Naħseb ukoll li nista’ nġib sens ta’ integrità ġdida fil-politika fejn ikollna relazzjoni tassew awtentika man-nies. Jiena ma nidħaq b’ħadd u nipprova ngħin lil kulħadd avolja mhux faċli.
Hemm ħafna diskors dwar il-migranti irregolari, imma ejja nkunu ċari mingħajrhom l-ekonomija tagħna tikkrolla?
L-ekonomija u s-suq tax-xogħol jirrikjedu mmaniġġjar effiċjenti. Fl-aħħar snin dan ma kienx qed isir tant li morna għal sitwazzjoni li min irid iġib 20, 30 jew 50 barrani iġibhom mingħajr ħafna domandi basta taf minn fejn għandek tgħaddi u lil min għandek tkellem.
Huwa ovvju li għandu jkun possibbli li ġġib xi ftit ħaddiema barranin fejn hemm interess strateġiku għall-ekonomija Maltija però l-laxkezza li dan kien qed isir biha fl-aħħar snin wassal għal ċifri inkwetanti ħafna ta’ 38,000 barrani f’sena waħda.
Il-Ministru Clyde Caruana ammetta b’mod ċar li ċeda l-armi u qata’ qalbu li jimmaniġġja dan il-fenomenu meta qal li Malta ser tispiċċa bi 800,000 ruħ fejn il-Maltin ser jispiċċaw minoranza ġo darhom.
Hemm diversi soluzzjonijiet kif noħorġu minn din il-problema gravi li qed tagħsar il-ħaddiem Malti. L-ewwel fost dawn li rridu naraw hi li nattiraw l-investimenti ta’ kwalità u mhux investimenti li jiddependu miċ-cheap labour.
X’taħseb fuq il-Gvern Laburista?
Il-Gvern Laburista nammirah għal kemm huwa kapaċi jinfluwenza l-ħsieb tan-nies iżda niddisprezzah għall-fatt li mbagħad lest jabbuża dik ir-relazzjoni ta’ fiduċja li n-nies ipoġġu fil-politiku. Robert Abela qiegħed f’pożizzjoni li fiha jista’ jtejjeb bi kbir lil Malta kemm ekonomikament, kif ukoll kulturalment iżda minflok jara li jgħin lil pajjiżna bi kliemu u b’għemilu qed jagħżel kontinwament li jżomm pajjiżna lura. Abela nieqes mill-kuraġġ meħtieġ biex ikun mexxej b’saħħtu. Twieled taħt id-dell ta’ Joseph Muscat u nemmen li ser itemm is-servizz tiegħu taħt id-dell ta’ Muscat.
X’inhuma fl-opinjoni tiegħek l-affarijiet li jridu jinbidlu biex il-PN jiġi aktar aċċettat u f’pożizzjoni li jirbaħ?
L-aspett li rridu ntejbu l-aktar huwa l-komunikazzjoni. Sintendi l-PN m’għandux ir-riżorsi tal-partit fil-Gvern li qed jabbuża kontinwament anke minn flejjes pubbliċi. Nemmen iżda li rridu nippruvaw nagħmlu aktar anke fis-sitwazzjoni preżenti. Naħseb li nkunu kapaċi naslu aktar meta l-messaġġi tagħna jkunu repetuti b’saħħa fuq perjodu ta’ żmien b’determinazzjoni kbira.
Hemm bżonn ukoll li nkunu aktar kreattivi bil-mod kif naslu għand in-nies, b’hekk biss nistgħu nibdew nattiraw ftit aktar l-attenzjoni tal-votanti żgħażagħ u ta’ dawk li tilfu l-fiduċja fil-politika.
Inħoss li l-PN qiegħed jinżel aktar man-nies fl-aħħar snin. Dan huwa proċess li bdieh Adrian Delia u komplih Bernard Grech. Jiena rrid inkun parti minn din is-soluzzjoni billi nkun dejjem man-nies kull fejn ikunu u nara li nwasslu messaġġ ta’ tama fil-pajjiż.
Taqbel li l-Partit Nazzjonalista għandu jitbiegħed mill-politika tradizzjonali li jxejjer il-bandiera ta’ kontra l-abort u l-ewtanasja?
Dik mhix politika tradizzjonali iżda politika ta’ valuri dejjiema li jispiraw it-twemmin tagħna. Jiena mal-ħajja ma niċċajtax. Nemmen fid-dritt fundamentali tal-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nett. Nemmen ukoll li jekk il-poplu jiddeċiedi li jiddiskuti u jibdel kwalunkwe ħaġa fir-rigward ta’ abort, ewtanasja u materji relatati, dan għandu jsir permezz tal-proċess demokratiku sħiħ f’Malta. Nirrifjuta b’saħħa li l-Ewropa tindaħal jew ittina struzzjonijiet dwar dan u lest li nagħmel din il-pożizzjoni tiegħi bl-aktar mod ċar kull fejn inkun kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa.
X’inhuma l-isfidi ta’ pajjiżna għas-snin li ġejjn?
Naħseb li l-akbar sfida hija li l-politika terġa’ ssir mezz ta’ gwida lis-soċjetà. Fl-aħħar snin qed naraw pajjiż miexi bl-alla tal-flus u mingħajr viżjoni msejsa fuq valuri u objettivi ta’ nazzjon.
Dan qed jaffetwa kollox, mill-istat diżastruż tal-ambjent f’pajjiżna għall-inġustizzji kbar maż-żgħir u l-korruzzjoni kontinwa kif ukoll għall-istat tas-suq tax-xogħol fejn ħafna ħaddiema qed jispiċċaw jgħixu biex jaħdmu flok jaħdmu biex jgħixu.
Jiena lest li nkun parti mis-soluzzjonijet li għandu bżonn pajjiżna biex jimxi għal politika aktar awtentika u aktar serja bbażata fuq il-bżonnijiet tan-nies. Lest fuq kollox li nkun parti minn ġenerazzjoni li ġġib tama ġdida f’pajjiżna. Nistieden lil kull min jieħu interess li jikkuntattjani u nwiegħdek li nagħmel ħilti b’determinazzjoni u enerġija ġdida biex flimkien inġibu ġid u opportunitajiet lejn pajjiżna.