Il-Parlamentari l-Ġodda: Omar Farrugia

Omar Farrugia daħal fil-politika l-ewwel darba meta ġie elett bħala Sindku tal-Imqabba fl-2019. Magħna huwa tkellem fuq il-kostruzzjoni, it-traffiku u s-suq tal-proprjetà fost suġġetti oħra 

X’ħajrek tidħol għall-politika u xi tfisser il-politika għalik? 

L-ewwel pass tiegħi fil-politika kien fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba fl-2019. It-triq li waslitni għal dik l-elezzjoni kienet waħda fejn kont diġa parteċipi fil-komunità, minn futbol sa festi u kont mħeġġeġ minn ħafna nies sabiex nikkontesta.  

Ħa nkun onest. Ħassejt li se mmur tajjeb, però qatt ma bsart li kont se nitla elett bħala Sindku mal-ewwel prova elettorali tiegħi. Kienet esperjenza li timlik b’umiltà u responsabilità.  

Meta kont Sindku dejjem għażilt li nkun qrib in-nies. Jekk hux xogħol infrastrutturali, skart jew hi x’inhi l-problema fil-lokalità, trid tkun viċin il-problema u viċin in-nies biex tindirizza l-bżonnijiet tagħhom. 

Naħseb li jien u l-kollegi fil-Kunsill dak iż-żmien, għamilna biċċa xogħol tajba ħafna u anke minħabba f’hekk, intlabt mill-Prim Ministru Robert Abela biex noħrog għal elezzjoni ġenerali.  

Esperjenza għal kollox differenti iżda anke hemm kuntent li bħala partit u anke fuq livell personali morna tajjeb ħafna. 

Kif issib il-bilanċ bejn il-karriera politika u l-ħajja personali? 

Mhix faċli, għaliex f’pajjiż żgħir ma tantx hemm distinzzjoni. Fiha t-tajjeb u fiha l-ħażin. Nemmen li għandna responsabbiltà kbira bħala partit fil-Gvern li nibqgħu viċin in-nies, sabiex nisimgħu x’qed jgħidulna u naġġornaw il-politika tagħna abbażi tal-esperjenza reali.  

Li nisimgħu ħafna iżjed min-nies fit-triq u fid-djar tagħhom u mhux dak li naraw biss fil-midja soċjali. Parti sew tal-gimgħa nqattagħha hekk u nemmen li hija importanti daqs il-ħidma parlamentari tiegħi.  

Madanakollu, kmieni filgħodu niddedika ħin għall-attività fiżika. Dan jgħini biex mentalment nipprepara lili nnifsi għal ġurnata impenjattiva, filwaqt li nagħmel dejjem mill-aħjar biex insib ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb tiegħi. 

 

F’xogħolok fil-Parlament, liem suġġetti huma l-aktar għal qalbek u tixtieq tagħti aktar? 

Nemmen li bħala pajjiż waħda mill-ikbar sfidi li għandna quddiemna hija kif se nsibu bilanċ bejn l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja tan-nies, l-ippjanar u l-estetika tal-bini, li ċertament ser tkun l-isfida tal-għaxar snin li ġejjin.  

In-nies qed jgħidulna ċar u tond: irridu ngħixu f’ambjent isbaħ. Imma ambjent ma jfissirx parks u spazji ħodor biss. Dawk importanti. Imma trid tara kollox b’mod ħolistiku, u għalhekk għandna nkomplu nimpenjaw ruħna, sabiex noffru benesseri ta’ kwalita’ aħjar lin-nies. 

Dan ifisser li jkollok triq nadifa, bankina aċċessibli, li ma jkollokx tniġġiż tal-arja, tat-trabijiet jew tal-istorbju. Tfisser ukoll baħar nadif, żoni fejn jilgħabu t-tfal jew fejn l-anzjani jissoċjalizzaw fl-apert, kif ukoll tfisser li nillimitaw il-konġestjoni fit-toroq tagħna.  

Il-kostruzzjoni hija parti mil-ħajja tagħna. Inqis l-Imdina u l-Belt Valletta fost l-isbaħ postijiet fl-Ewropa. Carcassone fi Franza, Firenze fl-Italja jew Bath fl-Ingilterra huma opri tal-arti, imma huma wkoll riżultat ta’ żvillupp u kostruzzjoni. Jiġifieri il-kostruzzjoni m’hijiex dejjem sinonima ma xi ħaga negattiva. Jekk tkun ippjanata tajjeb tista’ tfisser ukoll sbuħija u arti.  

Dan il-pajjiż tant mhux kuntent bl-istil tal-kostruzzjoni li illum saret qisha xi ħaġa negattiva. Le, ma naqbilx li għandna nkomplu hekk. L-iżvillupp u l-kostruzzjoni jista’ jkun progress, imma trid tkun strutturata u regolata sew u ibbażata fuq prinċipji ta’ kumdita’ ta’ għixien, standard ta’ sostennibilita’ b’saħħtu, ħdura u mobbiltà. Irridu nibdew inħarsu lejn l-iżvillupp b’mod ħolistiku. 

 

F'diskorsi tiegħek fil-Parlament tkellimt fuq numru ta' punti li jolqtu fil-laħam il-ħaj, fosthom l-għoli tal-ħajja, fosthom il-prezz għoli tal-proprjetà. Dwar dan is-suġġett, kif taħseb li pajjiżna jista' jilqa' għal din l-isfida?  

Iż-żgħażagħ tagħna jridu jibqgħu jghixu f’pajjiżna. Opportunitajiet ta’ xogħol hawn fejn timraħ u f’Malta hawn fejn tista tibni futur.  

Fost id-diversi neċessitajitet tal-ħajja, l-iżjed waħda fuq fomm iż-żgħażagħ hi x-xiri tal-post. Dan trid tixtriħ bi prezz proporzjonali mas-salarji Maltin u li joffrilek valur.  

Malta qisha belt, imma bid-differenza li postijiet ta’ bliet oħrajn fl-Ewropa fiċ-ċentru tagħhom il-prezz huwa m’għola s-sema imma meta tibda toħroġ ‘il barra l-prezzijiet jibdew jonqsu sew. F’Malta ma tistax tohroġ fil-periferija, allura bilfors irid ikun il-Gvern li jħares l-interessi taċ-ċittadini u jara li l-affordabilità tal-propjetajiet qegħda hemm.  

L-agħar ħaġa li nistgħu ngħidu, huwa li ngħidu daqshekk bini għax min ikun għadu ma xtarax se jara l-prezz jisplodi. Irid ikun pjan ħolistiku li jiżżewwaq ma dak li għidt qabel fejn is-sostennibilta’, is-sbuħija, l-ambjent tal-komunita’ u l-estetika tirrenja. Dejjem bi prinċipji regolati u serji. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela ftit jiem ilu, il-cowboys fil-kostruzzjoni ħadd ma jrid jarhom iżjed u l-Gvern diġà nieda proċess biex ikun hemm leġiżlazzjoni ta’ iktar serjetà f’dan il-qasam. 

Mil-lat soċjali, inħares lejn mudelli bħal tal-Ingliżi fejn daħlu kunċetti interessanti ta’ ġustizzja soċjali fil-pjanijiet ta’ żvillupp tagħhom, fosthom bħal proġetti ta’ wara l-Olimpijadi fi Stratford f’Londra. 

 

Tkellimt ukoll fuq it-traffiku u fuq kif bosta f'Malta jagħtu importanza kbira lill-karozza tagħhom. X'alternattivi jistgħu jiġu kkunsidrati biex tinbidel din il-kultura? 

Kif qed tara kollox jgħaqqad. Għalhekk l-importanza ta’ pjan ħolistiku. Anke hawn ma tistax titkellem fuq karozzi u it-traffiku go vakum. Kollox jorbot ma’ xulxin. Naħseb li n-nuqqas ta’ sinerġija ħolistika fis-sistema tagħna ma tgħinx u iġġgħelna naħsbu qishom il-problemi huma kategorizzati skond il-portafolli, meta l-ħajja ma taħdimx hekk. 

It-traffiku jorbot mal-ekonomija, mat-trasport pubbliku, mal-ambjent, mal-mobbiltà soċjali, mal-politika tal-pajjiż fuq ħaddiema barranin u anke x’tip t’investiment u xogħol qed noħolqu li taffettwa ukoll jekk persuna taħdimx mid-dar jew le.  

Illum in-nies huma dipendenti fuq il-karozza. Qatt daqs illum ma kienet affordabbli għal daqshekk Maltin u Għawdxin. Nafu ir-raġunijiet għaliex. Għaliex komda u jekk għandek ġurnata ippakjata, diffiċli tlaħħaq kollox mod ieħor. Hemm l-element taż-żieda tal-popolazzjoni li huwa element reali ukoll. 

Għalhekk xettiku meta nitkellmu fuq traffiku biss. Għax is-sors tal-problema hija sensiela ta’ affarijiet u fl-aħħar nett is-soluzzjoni tagħha hija waħda ħolistika. 

Fuq kollox hemm il-limitazzjonijiet ukoll tal-pajjiż. Ha nagħtik eżempju. Ftit ilu kien hemm kritika, u sa ċertu nifimha, għaliex it-tfal jinġabru kmieni wisq mill-vannijiet biex imorru l-iskola. L-enfasi għandha tkun fuq pjan ħolistiku, għax irid ikollok perspettiva wiesa tal-affarijiet biex issolvi dawn l-isfidi. 

 

Tappella lil iktar żgħażagħ jibdew karriera fil-politika?  

L-appell tiegħi huwa biex iktar żgħażagħ jinteressaw ruħhom fis-soċjetà u l-komunità tagħhom. Hemm diversi forom ta’ servizz li tista’ tagħti lejn pajjiżek, il-politika m’għandiex tkun iċ-ċentru ta’ kollox.  

Tista’ tagħti servizz lejn pajjiżek billi tgħin fil-komunità, fil-każin tal-banda jew tal-isport tar-raħal tiegħek. Tista tagħti servizz billi tgħin xi karità jew xi għaqda volontarja fil-ħin liberu tiegħek.  

Tista’ tagħti kontribut billi izżomm ruħek aġġornat bl-isfidi ta’ pajjiżna u tagħti kontribut, u jekk hemm bżonn, issemma’ leħnek u toffri opinjoni.  

Anke xi ħaġa bħal vot, li tagħżel l-aħjar persuni biex jirrapreżentawk, huwa kontribut importanti li jirrikjedi attenzjoni u l-ħin tiegħek.  

Iktar ma nagħmlu minn dawn l-affarijiet iktar se jkollna pajjiż aħjar. Iva, imbgħad jekk wieħed iħares lejn il-politika, naħseb li huwa mezz ieħor mal-oħrajn, pero ċertament m’huwiex l-uniku. 

More in Intervisti