‘Ma rridx li l-Partit Laburista jitmexxa minn fuq biss’
Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-CEO ġdid tal-Partit Laburista, Leonid McKay, li ħa din il-kariga wara r-riżenja kontroversjali ta’ Randolph DeBattista
minn Marianna Calleja
Bħala xi ħadd b’passat b’saħħtu fil-ħidma soċjali u tmexxija f’diversi entitajiet pubbliċi, kif taħseb li tuża dawn l-esperjenzi biex issawwar il-futur tal-Partit Laburista?
L-istudji tiegħi fil-qasam soċjali kif ukoll l-esperjenzi differenti li ġabuni f’kuntatt ma’ bosta tipi ta’ realtajiet soċjali u setturi vulnerabbli se jiggwidawni sabiex inkun nista’ ngħin lill-Partit Laburista jkun verament il-partit li jilqa’ lil kulħadd u jaħseb għal kulħadd.
Kien ta’ privileġġ kbir għalija li ta’ 33 sena ġejt fdat fit-tmexxija tal-Caritas Malta, fejn iltqajt ma’ diversi sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà li sfortunatament mhux dejjem huma magħrufa u apprezzati sew. Proġett siewi li nedejt waqt din l-esperjenza kien ir-riċerka dwar kemm twassal fil-but il-paga minima u l-benefiċċji soċjali meta mqabbel ma’ kemm tiġi tiswa xirja ta’ prodotti bażiċi u essenzjali għall-familji Maltin.
Wara din l-esperjenza, kelli l-opportunità li nara l-istess realtajiet soċjali mil-lenti tat-tmexxija tal-Gvern bħala CEO tal-Awtorità tad-Djar. F’dan ir-rwol stajt napprezza iżjed mill-qrib kemm il-policies tal-Gvern jistgħu jkunu strumentali sabiex itaffu l-faqar u fil-fatt mexxejt ’il quddiem bosta riformi f’oqsma differenti. Insistejt fuq il-ħtieġa li jkollna provvista ġdida ta’ binjiet għall-akkomodazzjoni soċjali sabiex ngħinu iżjed familji. Barra minn hekk, ħdimna sabiex l-Awtorità tad-Djar wettqet il-ħidma meħtieġa biex nimplimentaw riformi fis-suq tal-kera – li kien kompletament deregolat, kif ukoll ħdimna biex nirriformaw ukoll il-kirjiet antiki fejn kellek sitwazzjoni li kemm l-inkwilini, ħafna minnhom anzjani, kif ukoll is-sidien setgħu jispiċċaw barra fit-triq.
Matul is-snin kelli wkoll l-opportunità nistudja oqsma soċjali bħall-faqar, sfruttament fil-qasam tax-xogħol (labour market exploitation) u d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali.
Dawn l-esperjenzi kollha flimkien mat-tfulija f’familja tal-ħaddiema jagħtuni ċertu vantaġġ sabiex inkun nista’ nifhem aħjar il-polz tas-soċjetà u se jkunu qed jagħġnu l-ħidma tiegħi fi ħdan l-istrutturi, l-għeruq u l-fergħat tal-PL. Dawn l-elementi se jkunu wkoll il-boxxla soċjali tiegħi sabiex nara li verament nippromovu l-valuri soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-indipendenza finanzjarja u l-mobiltà soċjali.
Il-mandat tiegħek fl-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) affaċċja kritika dwar kwistjonijiet regolatorji. X’lezzjonijiet ħadt minn dak ir-rwol, u kif se jinfluwenzaw l-approċċ tiegħek bħala CEO tal-PL?
Meta kont immexxi l-ARUC, kont u għadni nemmen fl-importanza li jkun hemm intervent regolatorju li jippromovi s-saħħa pubblika iżda illi jitbiegħed minn mudelli regolatorji oħra li jħarsu lejn il-kannabis bħala komodità.
Jekk hemm tagħlima ġenerali li ħadt minn din l-esperjenza u fl-entitajiet l-oħra li kont immexxi hija l-importanza li ma nħallux lis-suq isuq waħdu. M’hemm l-ebda riċetta ekonomika li taħdem waħidha u tippromovi l-ġustizzja soċjali mingħajr l-intervent tal-Gvern.
Huwa tajjeb li nippromovu t-tkabbir ekonomiku, iżda tajjeb ukoll nifhmu li l-Gvern għandu jżomm rwol attiv f’oqsma li huma essenzjali għall-kwalità tal-ħajja tal-persuna. Din l-esperjenza li ksibt matul is-snin se nużaha biex nara li l-Partit Laburista jkompli jkun tarka għan-nies, bħala l-partit tal-ħaddiema.
Minħabba l-involviment tiegħek fir-riformi tad-djar soċjali u t-tmexxija tal-Caritas, kif qed tippjana li tintegra kwistjonijiet ta’ ġustizzja soċjali fl-istrateġija tal-PL?
Il-ġustizzja soċjali nwettquha billi noqogħdu attenti li ma nħallu lil ħadd jibqa’ lura. Daqskemm huwa importanti li nagħtu prijorità għan-nefqa fuq is-servizzi soċjali – xi ħaġa li se nkun minn ta’ quddiem sabiex niġġieled għaliha – huwa daqstant ieħor importanti li naraw li din in-nefqa tilħaq lil kull min jeħtieġha. Is-servizzi soċjali li bena l-Partit Laburista matul is-snin, jagħtuna bażi soda sabiex nibnu fuqha. Issa wasal iż-żmien li nwettqu miżuri iżjed speċifiċi intiżi għal ċirkustanzi partikolari jew gruppi żgħar ta’ persuni vulnerabbli.
Eżempju ta’ dawn il-gruppi huma persuni li, għalkemm jaħdmu u għandhom introjtu medju, ma jistgħux jieħdu loan sabiex jixtru darhom. Meta kont immexxi l-Awtorità tad-Djar, tnediet skema sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jixtru darhom xorta waħda. Irrid nara li nadottaw iżjed miżuri simili kemm matul din il-leġiżlatura, kif ukoll ninkludu oħrajn ġodda fil-programm elettorali għall-elezzjoni li jmiss. Se nkun qiegħed inżomm kuntatt kontinwu man-nies sabiex nara li dawn il-ħtiġijiet jiġu indirizzati. Il-miżuri meħtieġa jistgħu jinvolvu kemm għajnuna finanzjarja mmirata, kif ukoll għodod legali biex tipproteġi ċerti setturi vulnerabbli. Huma miżuri kumplessi li jinvolvi ħafna ħsieb u xogħol preparatorju sabiex jiġi żgurat li jkunu mmirati b’mod preċiż għas-settur milqut. Għalhekk huwa importanti li f’kull deċiżjoni li nieħdu jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha involuti.
Pereżempju, settur li nixtieq nara li jingħata iżjed protezzjoni huwa dak tal-anzjani li minħabba nuqqas ta’ saħħa jew mobiltà jkollhom jirrikorru għal li jagħtu prokura lil qrabathom sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ħtiġijiet neċessarji. Sfortunatament, uħud minn dawn l-anzjani qed jispiċċaw abbużati mill-istess qraba tal-fiduċja tagħhom. Nemmen li għandna nagħmlu iżjed sforz sabiex nimplimentaw miżuri li jagħtu iktar serħan il-moħħ lil dawn l-anzjani.
Kritiċi tal-PL qalu li inti kont qed tintuża bħala “fixer”, minħabba li tpoġġejt CEO jew mexxej ta’ bosta entitajiet regolatorji, waħda wara l-oħra, fi żmien qasir. X’tikkummenta dwar dan?
Qed nieħu dan it-titlu bħala kumpliment. Ninsab sodisfatt bir-riżultati li ksibt f’kull entità li mexxejt. Bl-istess enerġija u valuri, se nara li flimkien mal-kumplament tal-amministrazzjoni u tmexxija nkomplu nimbottaw politika awtentika li tpoġġi lill-familji u n-negozji fiċ-ċentru. Jien, sa mill-bidu nett, stqarrejt li l-irwol tiegħi bħala Kap Eżekuttiv mhux se jkun biss dak li jħares biss il-ħidma amministrattiva u finanzjarja. Għalkemm dak hu rwol importanti, daqstant importanti li nara li l-istrutturi kollha jorqmu ħsieb politiku skont il-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi tal-lum.
Il-Labour għaddej minn ristrutturar sinifikanti. Kif qed tippjana li tiżgura stabbiltà u kontinwità fi ħdan il-partit matul din it-tranżizzjoni?
It-tiġdid huwa għodda li llum il-ġurnata saret kontinwa. Mill-konferenza Ġenerali lil hawn smajna ħafna fuq tiġdid fi ħdan il-Partit Laburista. Qatt ma ddejjaqt mill-bidla, għaliex kull bidla hija opportunità. Il-ħila fit-tiġdid mhux li tkisser dak li jkunu bnew ta’ qablek u twarrab lil dawk li ħadmu sabiex l-entità tasal fejn waslet iżda li wieħed jagħraf it-tajjeb li sar u jibni fuqu. Kif diġà għedt bosta drabi, it-tmexxija ta’ qabel ħalliet il-marka tagħha f’oqsma varji. Tiġdid mhux proċess ta’ bidla ta’ wċuħ. Kulħadd għandu x’joffri għall-futur tal-Partit u ta’ pajjiżna. Se nkun qed nippromovi u noħloq spazju għall-kritika kostruttiva u diskussjonijiet sinċiera u awtentiċi. Ejjew inkomplu ninbidlu u niġġeddu sabiex flimkien nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u nilqgħu għall-isfidi li ġejjin.
X’inhuma l-prijoritajiet tiegħek għall-kultura interna tal-PL, speċjalment fid-dawl ta’ kontroversji, kawżi l-qorti b’eks uffiċjali Laburisti prominenti u bidliet fit-tmexxija riċenti?
L-onestà u l-integrità huma prinċipji li dejjem iggwidaw it-tmexxija tiegħi. Tmexxija onesta tgħin sabiex ta’ madwarek iħossuhom komdi jaħdmu miegħek. Kull min ħadem miegħi jaf li din hija kultura li mhux biss bżonjuża għaliex hekk huwa ġust u xieraq iżda hija wkoll kultura li tagħti l-frott u tgħin sabiex l-istrutturi jagħtu l-aħjar tagħhom. Filwaqt li nkompli nisħaq li l-PL għandu jagħti spazju lil kull min jixtieq jagħti kontribut, fl-istess ħin se nkun qed nara li jkun hemm mekkaniżmi ta’ skrutinju iżjed rett sabiex jiġi żgurat li l-kontribut mogħti jkun ġenwin u fl-interess tal-Partit u tal-pajjiż.
Kif qed tippjana li ssaħħaħ l-attiviżmu tal-grassroots tal-PL u żżomm rabtiet sodi mal-votanti ġodda jew żgħar?
L-attiviżmu jinbet meta wieħed iħoss li b’għemilu jista’ jħalli impatt pożittiv fuqu, fuq ta’ madwaru, u fuq is-soċjetà. Se nkun qed nara li l-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minna jingħata importanza xierqa. Il-kliem “Ħadd mhu għar-rimi” m’għandux ikun biss slogan fieragħ iżda l-missjoni prinċipali tal-ħidma tagħna. Il-PL huwa l-partit tan-nies.
Naturalment, sabiex wieħed ikun jista’ jikkontribwixxi jrid ikollna strutturi li jiffaċilitaw l-attiviżmu, kemm b’mezzi tradizzjonali intiżi għall-grassroots, kif ukoll permezz ta’ teknoloġiji li jattiraw votanti żgħażagħ. L-attiviżmu fil-każini huwa importanti daqskemm huma importanti l-messaġġi mwassla permezz tal-pjattaformi soċjali. Irridu nisimgħu l-ħsibijiet ta’ kull min jixtieq jagħti sehmu bi kwalunkwe mezz għad-dispożizzjoni tagħna. Il-bieb tal-PL se jkun miftuħ dejjem u f’kull ħin, mhux biss waqt il-kampanja elettorali.
Flimkien mat-tmexxija l-ġdida qed naħdmu biex il-Partit ikollu l-istrutturi kollha neċessarji li jkompli jżomm kuntatt dirett mal-qalba u mal-votanti tradizzjonali iżda wkoll ma’ votanti moderati, u dawk li se jkunu qed jivvotaw għall-ewwel darba.
Aspett ieħor li rrid nara li jissaħħaħ huwa li nżommu kuntatt ma’ dawk li tbiegħdu mill-Partit li għalih taw kontribut siewi matul is-snin. Irridu nifhmu lil dawn il-persuni u naċċettaw li fi wħud miċ-ċirkostanzi, il-Partit jew il-Gvern kien żbaljat u għalhekk għandna naraw li titwettaq ġustizzja magħhom. Għandna xorta waħda nuru rispett lejn l-opinjoni u l-kontribut li ngħata fil-passat minn dawn l-individwi.
Bl-elezzjonijiet li ġejjin f’moħħok, liema strateġiji se timplimenta biex tiżgura li l-Labour jibqa’ kompetittiv u jibqa’ viċin tal-popolazzjoni Maltija?
L-ewwel strateġija li se nadotta hija dik li nużaw ir-riżorsi kollha tagħna, speċjalment il-kontribut prezzjuż tal-attivisti, id-delegati u l-ħassieba li għandu l-Partit. Dawn kapaċi jagħtuna bosta ideat u jqarrbuna ma’ kull settur tal-popolazzjoni. Ma rridx li l-Partit Laburista jitmexxa minn fuq biss, iżda għandna nilħqu kunsens wiesgħa fid-deċiżjonijiet, speċjalment fit-tfassil tal-programm elettorali. Se nkunu qed naħdmu qatigħ biex immorru għand l-elettorat sabiex jerġa’ jafdana b’ħames snin ħidma fit-tmun tal-pajjiż. Ir-rwol tiegħi u ta’ sħabi fit-tmexxija għandu jkun biss li nkunu l-boxxla tal-Partit sabiex nagħtu sens ta’ direzzjoni fl-iżvilupp tad-diskussjonijiet u t-teħid tad-deċiżjonijiet.
Aspett ieħor li se nisħaq fuqu huwa li jkollna taħlita tajba ta’ kandidati li jirriflettu l-faxex differenti tas-soċjetà. Irridu nifhmu li għalkemm il-Partit huwa vuċi waħda soda, l-elettorat iħossu iżjed komdu jidentifika ruħu ma’ persuni li ġejjin minn background simili għal tagħhom għax ikunu jistgħu jifhmuhom iktar. Il-missjoni tagħna hija magħrufa – ngħinu lill-familji, lin-nies vulnerabbli, lill-ħaddiema u lin-negozji. B’hekk biss nistgħu nibqgħu relevanti, kompetittivi u viċin il-popolazzjoni Maltija.