Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Għawdex mistennija jieħdu passi kontra żewġ sewwieqa ta’ trakkijiet wara li allegatament għamlu ħsarat fit-triq bejn ir-Rabta u x-Xewkija tul ta’ madwar tliet kilometri.
Kienu l-Pulizija tal-Mobile meta għall-ħabta tat-.3.15 p.m. intervjenew fi Triq l-Imġarr qrib il-heliport meta waqfu ż-żiemel ta’ trakk misjuq minn raġel ta’ 37 minn Għajnsielem li kien qed isuq trakk ERF li kien qiegħed jiġbed żiemel ieħor misjuq minn raġel ta’ 55 sena. It-trakk ta’ wara kellu tyre ta’ quddiem fuq in-naħa tal-lemin mifqugħ tant li kien qed jinsaq fuq ir-rimm b’konsegwenza li kkawża ħsarat fit-triq. Mhux qed ikun eskluż li dawn kienu se jibqgħu sejrin sa Għajnsielem u li kieku ma ntervjenewx il-Pulizija l-ħsara kienet tkun ferm akbar.
Dan il-każ qed ikun investigat mill-Ispettur Bernard Spiteri filwaqt li ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Paul Coppini, li ħatar lill-Perit Guido Vella u lit-Tekniku Joseph Zammit bħala esperti tal-Qorti. Ġew informati wkoll l-Awtoritajiet konċernati.