Filmat | Allegat li kuntrattur ipprova jtajjar kunsillier; Il-Pulizija tinvestiga

Filmat minn CCTV jibda jdur fuq Facebook filwaqt li l-kunsillier Jeremy Cardona qal li safa intimidat minħabba l-ħidma tiegħu

Il-Kunsillier ta' Tal-Gżira, Jeremy Cardona allegatament safa intimidat meta xi ħadd ipprova jsuq għal fuqu lbieraħ filgħaxija.

Fuq Facebook, Cardona, li hu wkoll membru tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, qal li dan l-att ta' "intimidazzjoni," seħħ fuqu minħabba l-irwol tiegħu fil-Kunsill Lokali tal-Gżira.

Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li xi ġranet ilu, Cardona kien kiteb messaġġ ta' kritika fuq xogħol li kien qed jagħmel kuntrattur u li allegament ipprova jtajru. 

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa xerred filmat, meħud minn CCTV u qal li l-każ seħħ wara kummenti li għadda Cardona fuq żvilupp eċċessiv f'Malta.

Intant, kelliem għall-Pulizija kkonferma mal-Illum.com.mt li sar rapport dwar dan il-każ u l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha.

Intant il-Kulleġġ Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista kkundanna dan l-att ta' intimidazzjoni li sar fuq il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista tal-Gżira, Jeremy Cardona. 

"Dan l-att u atti oħra simili ta' intimidazzjoni mhux biss ma jbeżżgħux lill-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista iżda jkompli jimlihom b'kuraġġ u determinazzjoni sabiex jaħdmu dejjem aktar fl-interess tar-residenti u l-lokalitajiet li jirrappreżentaw."

 

More in Kronaka