Membri Parlamentari u kandidati prospettivi fis-sitt distrett diġà bdew jiċċaqalqu biex jieħdu vantaġġ mill-voti li se tħalli warajha Marie-Louise Coleiro Preca.
B’total ta’ kważi 18-il elf vot li ġabret fl-elezzjonijiet li kkontestat mill-1998 ’l hawn, il-wirt ta’ voti li se tħalli warajha l-President il-ġdid huma biżżejjed biex itellgħu l-kandidati l-oħra b’kumdità kbira.
Diversi Qriema ta’ twemmin Laburista kkonfermaw ma’ din il-gazzetta kif minkejja li l-elezzjoni ġenerali fadlilha erba’ snin, kienu qed jiġu kkuntattjati minn uffiċċji ta’ Membri Parlamentari biex jibdew jagħtu daqqa t’id lilhom peress li issa ma jistgħux jgħinu aktar lil Coleiro Preca.
Dawn il-manuvri bdew ukoll minn issa peress li dawk li s-soltu jivvutaw lil Coleiro Preca, li fl-aħħar elezzjoni laħqu l-ammont massiċċ ta’ 5,700, jinsabu f’dilemma lil min jistgħu jivvutaw erba’ snin oħra.
F’dan il-kuntest, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jista’ jitqies bħala l-aktar kandidat li se jiggwadanja minn dan il-vojt. Determinanti jista’ jkun il-fatt li b’kuntrast mal-kandidati l-oħra fuq il-lista tal-Partit Laburista, Galdes ġej minn Ħal Qormi bħal Coleiro Preca. Ir-rivali tiegħu Silvio Schembri u Charles Mangion it-tnejn ġejjin minn Ħal Luqa.
Ħarsa lejn ir-riżultati tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali juru li Galdes kien l-aktar wieħed li jgawdi mill-wirt ta’ Coleiro Preca. Is-sena li għaddiet wiret 600 vot filwaqt li fl-2008 kien wiret 1,100 vot.
Il-Membru Parlamentari żagħżugħ Silvio Schembri wkoll jista’ jkompli jkabbar l-ammont ta’ voti. Minkejja li b’kuntrast ma’ Galdes hu dejjem wiret inqas voti minn Coleiro Preca, ta’ min jinnota li bejn l-elezzjoni tal-2008 u tal-2013 hu rnexxielu jkabbar l-ammont ta’ voti minn madwar 700 għal 2,800. Fattur li jista’ jkun kontrih hu li m’għandu l-ebda portafoll fil-gvern ta’ Joseph Muscat, li forsi jnaqqas mill-influwenza li jista’ jkollu fuq l-elettorat.
Sadanittant tkompli tikber il-possibbiltà li jikkontestaw għal darb’oħra heavyweights bħal Gavin Gulia u Charles Mangion, li ilhom jikkontestaw fuq l-istess distrett għal diversi snin, għalkemm fl-aħħar elezzjoni ma’ kellhomx suċċess.
Iżda bil-vojt ta’ 5,700 vot li se tħalli warajha Coleiro Preca, qed jiġi kkunsidrat bħala neċessarju li l-Partit Laburista jippreżenta wċuħ ġodda li huma kapaċi jiġbru massa ta’ voti.
Għalkemm m’hemm l-ebda konferma, jidher li star candidate li jista’ jintlaqa’ tajjeb mhu ħadd ħlief Robert Abela, it-tifel tal-President Emeritus George Abela. L-avukat miżżewweġ lis-segretarja tal-eżekuttiv Laburista kien diġà viċin ferm li jikkontesta fl-aħħar elezzjoni ġenerali, qabel ma kien ħabbar li kien se jagħżel il-professjoni legali fuq il-politika.
Abela jgawdi mill-fiduċja tat-tmexxija tal-partit u saħansitra kien diġà meqjus bħala s-sostitut ideali għal Coleiro Preca meta din tal-aħħar kienet ħabbret li mhux se tikkontesta ftit ġimgħat wara d-dħul tad-divorzju.
Matul l-aħħar kampanja elettorali, Abela ngħata ċ-ċans ukoll li jindirizza mass meeting tal-Partit Laburista għax kien ikkunsidrat li jappella kemm għal votanti tradizzjonalment Laburisti iżda wkoll għal votanti li m’għandhomx irbit politiku.
Sorsi infurmati qalu lil din il-gazzetta li hu minnu li isem Robert Abela ilu jissemma mill-Qriema, iżda għad hemm dubji jekk hux lest li jidħol fil-politika u jitlef bosta kuntratti li kiseb matul iż-żmien ta’ natura legali.
Iżda l-Partit Laburista jista’ jkollu wkoll kandidat promettenti fil-figura tas-sindku attwali Rosianne Cutajar. Bħal Coleiro Preca, Cutajar ġejja minn Ħal Qormi, li hu determinanti f’distrett li jinkludi wkoll Ħal Luqa u s-Siġġiewi, filwaqt li tkun qed timla n-nuqqas ta’ kandidat mara.
Fattur li ma tantx jista’ jgħinha jkun il-fatt li relattivament għadha tibda l-karriera politika, bidu li ra tikkontesta l-elezzjonijiet għal kunsilli lokali fl-2012. Iżda f’dan id-debutt tagħha diġà kisbet riżultat rispettabbli fejn fl-ewwel attentat tagħha f’elezzjoni, kisbet il-maġġoranza tal-voti Laburisti u ħadet post sindku li kien ilu fil-kariga għal 8 snin.
F’dan il-kuntest, ikun determinanti l-appoġġ lil tikseb is-Sindku Qormija waqt l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali s-sena d-dieħla.
F’dan l-istadju mhux qed ikun eskluż lanqas li l-Partit Laburista jimbotta għall-kandidatura ta’ Mario Farrugia-Borg, li fil-preżent qed jikkontesta għall-Parlament Ewropew. Dan tal-aħħar igawdi mill-fiduċja assoluta tal-Prim Ministru u hu meqjus bħala persuna leali ħafna lejn il-Partit. Farrugia-Borg ukoll ġej minn Ħal Qormi u kien persuna meqjusa viċina ta’ Coleiro Preca, li tista’ sservih ta’ vantaġġ biex jirbaħ l-elettorat li sa ftit ġimgħat ilu kien leali biss lejn il-President il-ġdid ta’ Malta.