Il-quċċija tal-Gvern Laburista
Jerome Caruana Cilia tkellem ma’ bosta esperti u rappreżentanti tal-imsieħba soċjali f’oqsma varji dwar kif jaraw il-ħidma tal-Gvern Laburista wara sena fit-tmexxija tal-pajjiż.
minn Jerome Caruana Cilia
Dawn il-personalitajiet ġew mitluba jagħtu numru minn 1 sa 10. 1 ifisser li jqisu l-ħidma f’dak is-settur partikolari bħala ħażina ħafna, 5 mhux ħażin u 10 tajba ħafna.
8 - Drittijiet Ċivili (LGBTI) - Gabi Calleja – “Kieku kelli nagħti marka għall-ħidma tal-Gvern fir-rigward tad-drittijiet LGBTI f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 8 minn 10.”
Il-koordinatriċi tal-MGRM Gabi Calleja qalet li tagħti din il-marka minħabba l-bidla fil-kodiċi ċivili li tassigura li persuni trans li jbiddlu l-ġeneru legali tagħhom ikollhom din il-bidla rikonoxxuta għal kull effett tal-liġi inkluż iż-żwieġ. Hi semmiet ukoll it-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv; il-liġi dwar l-unjoni ċivili bl-istess drittijiet u obbligi taż-żwieġ, inkluż id-drittijiet u obbligi ta’ ġenitur; it-twaqqif ta’ working group li jirrevedi l-politika dwar il-bullying fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u id-direttorat tas-servizzi edukattivi.
Calleja sostniet li l-appoġġ li l-Gvern Malti qed jagħti għas-sejħa li l-moviment Ewropew qed jagħmel lill-Kummissjoni Ewropea għal roadmap li tindirizza b’mod strateġiku d-drittijiet ta’ ċittadini LGBTI.
9 – Ekonomija - Karm Farrugia - “Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tal-ekonomija f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 9 minn 10.”
L-Ekonomista Karm Farrugia qal li l-gvern irnexxielu mhux biss jiskopri l-potenzjal tal-ekonomija, iżda anke għaraf isib mezzi biex jisfruttah u jkabbru.
Żewġ aspetti l-aktar li laqtuh s’issa hu l-fatt li “ksibna mill-ġdid il-kredibbiltà, l-aktar mal-UE, billi l-gvern ma
kompliex ilellex l-istatistika dwar il-finanzi pubbliċi tal-pajjiż, speċjalment fil-kalkolu tad-defiċit fil-baġit tiegħu.”
Hu qal li b’hekk kulħadd sar jaf eżattament fejn qegħdin u fejn nistgħu naslu fit-tbassir finanzjarju, “ħaġa li kważi qabel dejjem morna żmerċ fiha.”
L-Ekonomista Farrugia qal ukoll li dan il-gvern ta lill-ekonomija post li jixirqilha fl-aġenda tiegħu, minn ta’ fuq nett. Mhux dejjem il-politika toħnoq il-progress ekonomiku. Hu sostna li dal-fenomenu qed jirrifletti ħafna fis-suq tax-xogħol billi qed iħajjar jirreġistraw mal-ETC ferm aktar nisa u pensjonanti li l-ekonomija tenħtieġ, iżda li ironikament mhix tlaħħaq miegħu, avolja l-impjiegi qed jiżdiedu b’medda ta’ madwar 400 fix-xahar.
“Forsi l-aktar eżempju ċar hija l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment li għandha potenzjal enormi f’ħolqien ta’ mpjiegi ġodda wara s-sena d-dieħla,” temm jgħid Farrugia.
2 - Saħħa - Paul Pace – “Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 2 minn 10.”
Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li jekk taħt amministrazzjoni preċedenti kien jagħti marka ta’ 2, wara sena ta’ Gvern Laburista, hu se jagħti l-istess marka. Pace sostna li minkejja l-ħafna kliem u slogans qabel l-elezzjoni ġenerali, wara sena baqa’ ma nbidel xejn “anzi morna għall-agħar.”
“Il-problema fis-sistema tat-tmexxija kienet qabel u għadha hemm s’sissa. Ma nbidel xejn. Anzi, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex morna għall-agħar. Fil-qasam tas-saħħa konna ħażin ħafna u għadna ħażin ħafna.” Pace semma li kien hemm xi titjib fl-Isptar Monte Karmeli, b’kumpens għad-diżastru f’Għawdex.
Hu qal li sakemm jibqgħu jbatu l-pazjenti fil-kurituri, din mhix aċċettabbli. “Kemm-il darba kellmuni pazjenti li jafu li l-infermiera qed jagħtu sehemhom iżda li l-problema hi s-sistema.”
Is-sodod żdiedu iktar fil-kurituri. “Dan ifisser li dak li kien ħażin qabel huwa ħażin issa. Illum il-ġurnata nsibu sodod fil-kurituri bid-differenza li dawn tajnihom isem. Min ikun kuljum hemm bħali, ittih isem jew le, dan jibqa’ kuritur. Sakemm jibqgħu dawn l-affarijiet allura għadna ħażin ħafna.”
6.5 - Saħħa - Martin Balzan - Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM – “Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 6.5 minn 10.”
Martin Balzan, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM (l-Assoċjazzjoni Medika Maltija) qal li minn naħa l-kwalità tas-servizz baqgħet tajba u bħas-snin ta’ qabel żdied ix-xogħol sewwa fuq operazzjonijiet u sew in-numru ta’ nies li daħlu l-isptar. Il-ministru u l-istaff tiegħu għandhom relazzjoni tajba mal-assoċjazzjoni, kompla Balzan.
“Minkejja l-enerġija li ddedika personalment il-ministru, il-problemi ta’ nuqqas ta’ sodod, stennija fl-emerġenza, u tul ta’ waiting list għadhom hemm.”
Il-qasam tal-anzjani kien f’ministeru ieħor u għalhekk hemm bżonn ta’ iżjed koordinazzjoni, għax peress li ftit infetħu sodod ġodda u s-servizzi fil-komunità għall-anzjani għadhom neqsin, ħafna nies jispiċċaw għal xhur sħaħ Mater Dei bla bżonn, u hekk jaffetwaw ħażin l-operat tal-Isptar Mater Dei u s-servizzi tas-saħħa.
Balzan li biex jissolvew il-problemi li hemm, jeħtieġ investiment kbir u ppjanar dettaljat biex ikun hemm biżżejjed sodod, tobba u professjonisti biex iħaddmuhom u s-sostenibbiltà finanzjarja, u dawn jeħtieġ diversi snin biex jitwettqu. Fuq kollox l-ebda ministru ma jista’ jsolvi dan mil-lum għall-għada. Il-MAM qiegħda tikkopera f’dan l-ippjanar u din ħaġa tajba min-naħa tal-ministeru li hemm djalogu tajjeb.
“Minkejja li saru ħafna sforzi għad hemm il-problemi fuq il-mediċini u l-komputerazzjoni mixtieqa għadha ma twettqitx.”
5 - Edukazzjoni - Kevin Bonello – President MUT
“Kieku kelli nagħti marka għall-ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 5 minn 10.”
Il-President tal-MUT, Kevin Bonello, qal li l-ewwel sena ta’ dan il-Gvern ma kinitx dak li konna qed nistennew fil-kamp tal-edukazzjoni. Dan hu gvern li tela’ b’ħafna wegħdiet fil-kamp edukattiv, fosthom tal-ġarr tal-esperjenza, tal-leave sabbatiku, tar-reform fatigue u tal-konsultazzjoni.
L-ebda waħda minn dawn il-wegħdiet sa issa ma twettqet, anzi jekk nieħdu r-reform fatigue mhux talli ma tajniex ċans il-gradi edukattivi jassorbu d-diversi riformi li kien hemm talli fi ftit ġimgħat ippreżentajnilhom tliet riformi maġġuri oħra fil-kamp sekondarju.
“Madanakollu l-MUT temmen li dawn ir-riformi kien hemm il-bżonn tagħhom iżda nemmnu li qatt ma kellhom jiddaħħlu b’pass frenetiku u mingħajr konsultazzjoni xierqa mal-gradi tal-għalliema fl-iskejjel. Tant, li l-konsultazzjoni bdiet issa li tista’ tgħid ġie deċiż kollox.”
Bonello qal li deċiżjoni li żgur ma konniex qed nistennew hi dik li l-ITS ma jibqax taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni li kif jaf kulħadd hi xi ħaġa li totalment ma naqblux magħha u qatt m’aħna se naqblu. “Nittammaw li l-għajta ta’ Gvern li Jisma’ tiġi fis-seħħ illum qabel għada.”
7 - GRTU – Paul Abela
“Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 7 minn 10.”
Il-GRTU tħoss li bħala l-ewwel sena ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern din kienet sena ta’ ħidma tajba. Fiha l-GRTU ikkollaborat ma’ bosta Ministri u Segretarji Parlamentari, speċjalment mal-Ministru Chris Cardona u mal-Ministru Konrad Mizzi għaliex kien hemm bżonn li naħdmu aktar fil-qrib magħhom għall-interess tal-membri tagħna.
“B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li lil dan il-Gvern sibnieh approachable u kien lest li jismagħna u jaħdem fil-qrib magħna biex jinsabu soluzzjonijiet. Kien ta’ sodisfazzjon għalina li mhux biss semgħuna iżda wkoll addottaw proposti li għamlet il-GRTU,” sostna Paul Abela l-President tal-Kunsill Eżekuttiv Nazzjonali tal-GRTU.
Abela qal li din kienet ‘learning curve’ mhux biss għall-Gvern il-ġdid sakemm isib saqajh iżda wkoll għalina sakemm iltqajna mal-aktar uffiċjali għolja ta’ dan il-Gvern u tkellimna magħhom fuq il-prijoritajiet u l-kwistjonijiet pendenti tal-GRTU fir-rappreżentanza tagħna tal-intrapriżi żgħar u medji Maltin.
“Nixtiequ li fis-snin li ġejjin naħdmu aktar qrib mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kollha b’mod regolari, bl-għan waħdieni li nkomplu ntejbu l-ekonomija u nsaħħu l-intrapriżi ż-żgħar tagħna li tant huma essenzjali għall-futur ta’ Malta u tal-Ewropa.”
8 - Turiżmu - Paul Bugeja – MHRA
“Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 8 minn 10.”
Paul Bugeja, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, qal li jekk wieħed ikejjel is-suċċess tat-turiżmu f’Malta fuq in-numri ta’ kemm ġew u nefqu t-turisti, bla dubju ta’ xejn is-sena l-oħra kellna sena tajba. Jidher ukoll li din is-sena 2014 ser ikollna wkoll sena oħra tajba f’dan ir-rigward fost oħrajn minħabba l-fatt li numru ta’ linji tal-ajru ‘low cost’ u oħrajn stabbiliti bdew jew żiedu l-frekwenzi lejn Malta, qal Bugeja.
Hu sostna li huwa importanti f’dan is-settur li wieħed ikompli jibni fuq it-tajjeb li hemm u jsaħħaħ u jtejjeb il-prodott Malti. Jidher li hemm tentattivi sabiex dan isir u ġew imnedija diversi inizjattivi tajbin, fost oħrajn azzjoni biex jitħarsu aħjar iż-Żoni Turisitiċi, t-‘Tourist Police’, l-inizjattiva fuq l-agri-Turiżmu, l-estensjonijiet ta’ sulari ġodda f’ċerti kategoriji ta’ lukandi u politika ġdida tal-avjazzjoni.
Bugeja qal li l-MHRA temmen ukoll li wara sena fil-Gvern għandhom jiġu indirizzati aktar bir-reqqa l-kwistjonijiet marbuta mat-trasport pubbliku, mat-taħriġ tal-ħaddiema; mat-tindif tal-pajjiż, mal-burokrazija żejda fis-settur pubbliku, mal-ħruġ ta’ visas u ma’ permessi meħtieġa biex jitpoġġew tined permanenti minn ristoranti. “B’ħarsa ’l quddiem illum nemmnu wkoll li pajjiżna għandu jieħu sehem aktar importanti fit-tfassil ta’ politika għal qasam turistiku fuq livell Mediterranju.”
5 - Charles Miceli – Attivist fil-Qasam Soċjali
“Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 5 minn 10.”
Charles Miceli, attivist fil-qasam soċjali qal li stenna mill-gvern u għadu jistenna. Hu spjega kif kien hemm passi tajbin, bħall-Green Paper, il-laqgħat mal-poplu mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u l-allowance ta’ €400 għat-tfal tal-fqar marbuta ma’ kemm jattendu skola.
“Imma nħoss li l-Gvern hu wisq kommess li jkabbar l-ekonomija u jidher pro business. Forsi għax in-negozjanti, il-kummerċjanti u l-kuntratturi għandhom lobby qawwi filwaqt li dawk fil-bżonn m’għandhom l-ebda lobby u l-krib tagħhom aktarx li ma niħdux gost nisimgħuh.”
Miceli qal li llum nafu kemm hi falza l-idea li kulħadd jaqbillu jekk tikber l-ekonomija minħabba l-hekk imsejjaħ trickle down effect. Kif qal il-Papa Franġisku, meta t-tazza tas-sinjuri timtela, flok tfur, b’xi mod maġiku, tibda tikber, sostna l-attivist fil-qasam soċjali.
“Tgħid wasal iż-żmien li nerġgħu nibdew nitkellmu dwar il-living wage? Jew dan hu diskors għal min ikun fl-oppożizzjoni għax meta tkun fil-gvern ikollok taċċetta d-dittatura tal-ekonomija neoliberali? Nittama li sejjer żball,” temm jgħid Miceli.
3 - L-ambjent - Astrid Vella
“Kieku kelli nagħti marka għal ħidma tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa f’din l-ewwel sena tal-leġislatura allura nagħti 3 minn 10.”
Il-Koordinatur ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar, Astrid Vella qal li l-manifest tal-Partit Laburista jiddentifika t-tniġġis tal-arja bħala kwistjoni serja u li trid tiġi indirizzata, u lis-saħħa ambjentali trid tkun fil-qalba ta’ kull deċiżjoni, iżda mbagħad qed jingħataw permessi li jżidu t-tniġġis u l-ħsara ambjentali, bħal permessi tal-Mistra u Sqaq Żbibu f’San Ġwann.
Is-siġar, l-unika tama tagħna sabiex niġġieldu t-tniġġis, qed ikomplu jinqalgħu, b’600 siġra li se jinqalgħu dalwaqt mis-Salina.
Ħafna mill-proposti tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista li minnhom se jgawdu l-iżviluppaturi qegħdin jiġu implimentati, filwaqt li oħrajn li favur l-ambjent għadhom fil-limbu.