B'kollaborazzjoni mal-Gozo Tourism Association, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva nieda inizjattiva biex tħajjar lill-anzjani jmorru 4 t'ijiem Għawdex, bi programm varjat u b'attivitajiet ta’ interess għall-anzjani. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li wara s-suċċess u l-interess li ntwera fl-inizjattivi tal-opri f'Għawdex, is-Segretarjat nieda din l-inizjattiva biex ikompli isaħħaħ l-kunċett tal-Anzjanità Attiva, l-inklużjoni soċjali u jippromovi l-qasam kulturali lill-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lil Gozo Tourism Association tal-kollaborazzjoni għal din l-inizjattiva kif ukoll lil-lukandiera Għawdxin u sidien ta' stabbilimenti f’Għawdex li qed jappoġġjaw dan il-programm. Faħħret il-mod professjonali ta' kif ġie mħejji dan il-proġett li juri li il-messaġġ tas-Segretarjat immirat lejn kwalità ta’ ħajja tajba għall-anzjani qed jasal u jiġi appoġġjat.
Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association, qal li dan huwa mod ta' kif insaħħu it-turiżmu f'Għawdex, u huwa permezz ta' dawn l-iskemi u programmi li wieħed jista’ jħeġġeġ iżjed anzjani jiġu għal Għawdex. Joe Muscat irringrazzja lill-Onorevoli Justyne Caruana għal din l-inizjattiva b’risq Għawdex u awgura iktar ħidma u koperazzjoni magħha u mas- Segretarjat immexxi minnha.