It-tkabbir ekonomiku mistenni jilħaq it-3% fl-2014, jinżel għal 2.9% fl-2015 u 2.7% fl-2016.
Dan kollu wassal biex il-Kummissjoni Ewropea tgħid li l-ekonomija Maltija qed tbaħħar bla xkiel f'baħar imqalleb mhux ħażin, b'baġit b'deficit proġettat li jonqos u d-dejn tal-gvern li mistenni jibqa' stabbli. Il-Kummissjoni qalet li d-defiċit ta' Malta jidher li hu taħt kontroll anke jekk l-infieq qed jikber.
Id-defiċit tal-gvern in ġenerali mistenni li jitjieb fl-2014 għal 2.5% tal-GDP, minn 2.7% tas-sena ta' qabel u d-dħul kurrenti hu proġettat li jiżdied grazzi għal mod kif qed inħarsu lejn l-ekonomija makroekonomika, anke għall-miżuri li jżidu d-dħul fil-baġit tal-2014, bħal żieda f'taxxi indiretti, il-programm taċ-ċittadinanza Maltija lil individwi barranin u anke familji barranin u l-introduzzjoni tat-taxxa l-ġdida fuq id-dħul tal-kera.
Sadattant il-Partit Laburista ħareġ stqarrija li tgħid:
Fl-istess ġurnata li l-Kummissjoni Ewropea tat ċertifikat ieħor pożittiv ħafna lill-Gvern Laburista dwar il-qasam tal-ekonomija fejn qed tgħid li se jkompli jkollna tkabbir robust tal-ekonomija u li d-defiċit se jkun taħt kontroll, illum il-Eurostat tat ċertifikat tal-politika ta’ falliment tal-Partit Nazzjonalista f’dak li għandu x’jaqsam mal-faqar.
Ċifri li joħorġu mill-istatistika tal-Eurostat juru kif bejn l-2008 u l-2013 il-figuri ta’ persuni li ma jifilħux jagħmlu ċerti spejjeż irdoppjaw, fejn min 4.3% telgħu għal 9.5%, filwaqt li persuni li kienu f’riskju ta’ faqar, fl-istess perjodu żdiedu b’20,000 oħra.
Wieħed għandu jsemmi kif fl-istess perjodu li qed ikunu kkwotati dawn iż-żidiet, Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien bil-wiċċ tost kollu qal li l-faqar huwa perċezzjoni u li ma jeżistix.
F’dan kollu toħroġ id-differenza bejn politika ta’ ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista u politika fejn il-poplu Malti u Għawdxi jinsab fiċ-ċentru tal-ħidma tal-politiċi.
Simon Busuttil u l-Partit tiegħu ma jistgħux ikunu kreddibli meta jitkellmu.