Malta tirreġistra l-ogħla żieda fil-bejgħ mill-ħwienet fl-Unjoni Ewropea
Suċċess ieħor għal Malta fl-ewropa, issa anke fis-settur tal-bejgħ tal-ħwienet
More in Politika
Suċċess ieħor għal Malta fl-ewropa, issa anke fis-settur tal-bejgħ tal-ħwienet
Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, Malta kellha l-ogħla żieda fl-Unjoni Ewropea fil-bejgħ mill-ħwienet b’1.0%, segwit minn Lussemburgu b’0.9%, l-Ungerija u Slovakkja b’0.7%.
Iż-żieda fil-bejgħ mill-ħwienet ta’ pajjiżna tissarraf fit-tisħiħ tan-negozji. Il-profitti li jżidu jirriżultaw f’iktar investiment fil-ħaddiema u fl-infrastruttura tagħhom biex ikomplu jimxu ’l quddiem.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona, qal li f’temp ta’ ftit sigħat waslet aħbar pożittiva oħra għall-ekonomija Maltija wara li lbieraħ il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tal-ħarifa qalet li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jkompli jkun robust u b’saħħtu iktar mill-medja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. L-istess konklużjoni għamlitha l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s.
Dawn iċ-ċifri pożittivi jikkonfermaw ukoll stħarrig tal-Kummissjoni Ewropea li ħareġ ix-xahar li għadda u wera kif l-ottimiżmu ekonomiku qed jissoda, b’mod partikolari fost l-azjendi industrijali li l-bejgħ tagħhom laħaq livelli li kienu ilhom ma jiġu rreġistrati minn qabel ma bdiet il-kriżi ekonomika internazzjonali fl-2008.
Is-settur tal-wholesale u r-retail sa Mejju ta’ din is-sena kien jimpjega 23,770 persuna full-time u 10,485 part-time. Dan ifisser li, taħt din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 458 persuna full-time u 583 part-time, iġifieri żieda ta’ żewġ persuni jaħdmu kuljum f’dan il-qasam.
“L-istatistika maħruġa llum mill-Eurostat tkompli tikkonferma kemm it-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jara pajjiżna huwa xprunat mis-settur privat. L-istrateġija ekonomika ta’ dan il-Gvern qed tħalli l-frott. Il-miżuri, fosthom it-tnaqqis tar-rati tad-dawl u ilma għas-settur kummerċjali, mistennija jkomplu jtejbu dawn ir-riżultati li qed jikseb pajjiżna” sostna l-Ministru Cardona.