Imut Lino Spiteri
Tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Laburista Lino Spiteri
More in Politika
Tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Laburista Lino Spiteri
Lino Spiteri twieled Ħal Qormi fil-21 ta' Settembru 1938 u miet illum fl-età ta' 76 sena.
Għal dan l-aħħar żmien kienet ħakmitu marda qerrieda u kien ilu xi ftit ġimgħat l-isptar. Barra bħala politiku Lino hu magħruf bħala ekonomista, opinjonista u kittieb. Kien elett fil-parlament ta' 23 sena fl-1962 u serva b'kollox għal 21 sena, sitta minnhom fil-kabinett. Irtira mill-politika fl-1998. Kien magħruf ukoll li ma kienx jaqbel ma' Alfred Sant meta ried ineħħi l-VAT u f'intervista li kien għamel qal li kien iddispjaċih li kien ikkontesta dik l-elezzjoni. Kien ammetta wkoll li vvota favur id-dħul fl-Ewropa u mar kontra l-partit li kien fih.
Studja fil-Liċeo ta’ Malta, u fl-Università ta’ Oxford, fejn iggradwa fil-Politika u l-Ekonomija.
Fl-2005 ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għan-novelli u r-rumanzi.
Kien mexxa l-bank Ċentrali u kien ministru darbtejn. Ministru tal-Kummerċ u Ministru tal-Finanzi.
Spiteri twieled bi driegħ wieħed iżda din kienet fattur importanti fl-għaġna tal-karattru assertiv u ‘ġellied’ tiegħu li anki għenu jkun indipendenti fiżikament u fil-ħsieb. “Kelli nirreżisti kemm-il darba għall-inkejja u t-tinbix tan-nies u allura sawwart karattru daqxejn supperv anki biex inpatti għall-mistħija. Iżda anki fuq livell fiżiku qatt ma bżajt nieqaf lil min ipprova jweġġagħni”, qal f'intervista fl-2007. “Inħobb nuża lili nnifsi bħala eżempju biex ninkoraġġixxi lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà ħalli jemmnu f’uliedhom bħalma emmnu fija l-ġenituri tiegħi li rabbewni indipendenti minkejja kollox.”
Fl-2008 Spiteri ngħata Ġieħ ir-Repubblika
Lino Spiteri iżżewweġ lil Vivienne neé Azzopardi fl-20 ta' Awwissu 1964 u missier Noelle, Bertrand, Lara u Lincoln.