Marlene Mizzi tirribatti lil dawk li ma jridux lill-Papa fil-Parlament Ewropew

Email iffirmata minn żewġ MEPs oġġezjonaw għaż-żjara tal-Papa Franġisku waqt is-sezzjoni Plenarja ta’ għada tal-Parlament Ewropew 

Fl-ittra tagħhom, l-MPE Sofie in’t Veld (ALDE) u Virginie Roziere (S&D – xellug radikali) sostnew li din iż-żjara se tkun monologu  u mhux dibattitu miftuħ kif mistenni fl-awla, u għaldaqstant oġġezzjonabbli. Huma ukoll argumentaw li istituzzjoni sekulari bħal ma hu l-Parlament Ewropew, m’għandux jaċċetta indirizzi mingħand mexxejja reliġjuzi, għax dan ma jurix rappreżentazzjoni ugwali ta’ l-500 miljun ċittadin Ewropew.

Barra min hekk, dawn iż-żewġ MEPs, huma tal-fehma li ż-żjara tal-Papa Franġisku, tista’ toħloq konflit, hekk kif skont huma, l-Papa Franġisku ma jirrispettax s-separazzjoni tal-knisja u l-istat. Huma komplew joġġezzjonaw għaż-żjara tal-Papa għar-raġuni li “Il-Knisja Kattolika tħoss li għandha d-dritt li tinterferixxi fil-materji ċivili u timponi l-valuri morali tagħha fuq oħrajn, minflok taċċetta u tirrispetta d-diversità u l-libertà tal-kuxjenza.

L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi rreaġixxiet billi hi ukoll bagħtet email kkupjata lil MEPs kollha u lil assistenti u ddikjarat li l-kontenut ta’ din l-email ma tirrispettax il-prinċipju tal-fehmiet, is-solidarjetà, li ma jkunx hemm diskriminazzjoni għall-razza, reliġjon, kulur, sess etċ u fuq kollox it-tolleranza, kif inhu mistenni minn instituzzjoni demokrativa, bħal Parlament Ewropew.

L-MEP Mizzi, nnutat ukoll li l-Papa Franġisku, mhuwiex biss mexxej reliġjuz, iżda huwa ukoll kap ta’ stat u huwa għandu jkun milqugħ b’kortezija li normalment tingħata lill-Kapijiet ta’ Stat mill-Parlament Ewropew, kif sar f’diversi okkazjonijiet oħra.

“Ħassejt li kelli nagħti l-opinjoni tiegħi f’dan il-każ. Filwaqt li dawn l-MEPs qed joġġezjonaw għaliex qed isostnu li ‘din iż-żjara tista’ toħloq kunflitt’, huma stess bl-atteġġjament tagħhom, qed iġibu kunflitt, għaż-żjara ta’ Kap ta’ Stat, sempliċiment minħabba t-twemmin purament sekulari tagħhom – li mingħajr oġġezzjoni għandhom dritt għalih. Li wieħed jgħid li ż-żjara tal-Papa Franġisku ser tkun “ta’ kunflitt” huwa inaċċettabli u jmur kontra l-prinċipju tal-libertà tal-kelma u l-assoċjazzjoni. Valuri tant meqjuma fl-istituzzjoni demokratika kif inhu l-Parlament Ewropew. Wara kollox huma ukoll jistgħu ma jattendux”

 

More in Politika