Simon Busuttil jirribatti l-baġit bi stil ċiniku u bi spirtu pront
Itenni għal ħafna drabi li dan hu gvern li jgħatti, jaħbi u jigdeb
minn John Busuttil
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrisponda għal baġit bi stil ġdid, fejn b'mod ċiniku ikkritika kull punt tal-baġit. Fejn għażel li jsemmi dak li ma ssemmix u ikkritika dak li sar tajjeb li ma kien xejn ġdid iżda tkomplija ta' dak li sab.
Simon Busuttil beda biex qal l-itwal baġit l-aktar li ntesa malajr mill-poplu. U dan għax il-gvern ta' Joseph Muscat qed taqgħalu l-maskra u dak li n-nies qed jaraw mhu qed jgħoġobhom xejn.
Akkuża lil Joseph Muscat li għajru għax fl-ekonomija ma jifhimx, iżda hu qatt ma kien qallu li hu kkoreġielu t-teżi. Wara dawn it-tingiżiet bi tbissima beda jitkellem fuq il-baġit fejn semma li hemm diversi bozoz ħomor li l-Prim Ministru mhux qed jagħti kashom, u hawn kompla bli stil 'tongue in cheek' meta qallu dawn huma warning signs u mhux' warning shots' bin-naħa tal-gvern kollha titbissem għal din il-battuta.
Simon Busuttil qal li l-gvern ta' Joseph Muscat m'għamel xejn ġdid, kompla biss dak li sab mill-amministrazzjoni ta' qabel. "L-uniku xi ħaġa ġdida li għamilt hi li mort tiġri mad-dinja tbiegħ il-passaporti."
Poġġa fuq il-mejda statistiċi tal-NSO dwar iż-żieda allarmanti fid-dejn, in-nuqqas fl-esportazzjoni, in-nuqqas fil-bejgħ mill-ħwienet, il-falliment tal-Air Malta u naqqas il-qagħad billi daħħal 4,400 impjegatt mal-gvern.
Waqt li kien se jibda jitkellem fuq it-Trasport pubbliku tfaċċa fis-sala l-ministru Joe Mizzi u hawn bi spirtu pront Simon Busuttil staqsih jekk weħilx fit-traffiku li żdied bla limitu kemm ilu jmexxi dan il-ministeru is-Sur Mizzi, fejn qallu li se jibda jsejjaħlu bħala l-Ministru tat-Traffiku flok il-Ministru tat-Trasport.
Ikkritika il-fatt li jekk ried inaqqas ġenituri li jwasslu lill-uliedhom l-iskejjel imissu offra li l-ġenituri ta' skejjel tal-knisja u indipendenti jkollhom trasport b'xejn bħal dawk tal-gvern.
Żvela wkoll li fis-sala tal-parlament il-ġdid indunaw li ma kienx hemm spazju fejn deputat seta jidħol fis-seat u hawn tefa battuta oħra fejn qal li huma biex ikejlu kienu bagħtu lil George Pullicino iżda ndunaw li tant ma jriduhx li ma ħallewlux spazju li jidħol u hawn il-kamra wkoll reġgħet infaqgħet tidħak b'din iċ-ċajta.
Hawnhekk Simon Busuttil attakka lil gvern li dan hu gvern li jgħatti, jigdeb u jaħbi. Għal ħafna drabi appella lil Prim Ministru biex jieqaf jibblaffja. Talbu biex iżomm ma kelmtu u jirriżenja kif wiegħed jekk ma titlestiex il-Power Station sa erba xhur oħra u hawn qallu dawn l-eżatti kelmiet, "Min jigdeb jgħidulu Giddieb u int gdibt."
Ikkritika l-fatt li fil-baġit ma kien hemm xejn dwar kultura u dwar ambjent u lil Ministru ta Għawdex qallu li neħħewlu r-responsabilita tal-edukazzjoni, ir-responsabilita tas-saħħa, "u ma ħallewk tkun responsabbli ta' xejn u għalhekk m'għamilt xejn għax int Ministru tax-Xejn" qal Simon Busuttil waqt li pponta lejn il-Ministru Refalo.
Semma li l-fast ferry ġiet injorata fil-baġit u f'daqqa waħda tfaċċat pjanta ta' bridge li tagħmel sfreġu lill-ambjent Malti u Għawdxi u li ġiet minn kumpannija Ċiniża li hi blacklisted fuq korruzzjoni. Huma jaqblu ma' Permanent link li għandha tkun mina taħt il-baħar u li diħa kien beda l-istudju fuqha.
Semma dwar iż-żieda ridikola li ngħatat fejn minn wara li kien sar l-iffriżar tal-pagi taħt il-labour ta' 30 sena ilu, din hi l-iżgħar żieda li l-poplu qatt ħa.
Dwar is-saħħa qal li l-Ministru tas-saħħa raha l-kolonni tal-konkrit u ma rax il-kjuwijiet kbar jistennew u hawn qal li dawk il-kolonni qatt ma kienu maħsuba biex jinbnew aktar sulari fuqhom.
Minn hawn bdiet litanija sħiħa ta' abbużi ta' poter li wettqu diversi ministri u membri parlamentari Laburisti f'dawn l-20 xahar fejn issemmew kollha b'isimhom. Semma wkoll deputati li ma sarux Ministri jew Segretarji Parlamentari u xorta tħallsu mhux biss ta' ministri iżda hemm minnhom li qed jitħallsu aktar mill-prim ministru. Hu sejjah lil gvern Laburista bħala lpup jiġru wara flus in-nies.
Kien hawn li s-sala tal-parlament splodiet bid-daħk meta semma li l-Ministru Joe Mizzi u qallu li daħħal lil 'mara ta' oħtu' taħdem fil-ministeru bħala cleaner meta l-kelma kellha tkun oħt il-mara. Hawn instemgħet Helena Dalli tgħid li llum kollox possibbli minħabba l-fatt li taħt il-ministeru tagħha taqa' l-unjoni ċivili.
Simon akkuża lil Muscat dwar li jaf b'dan kollu li qed isir mill-ministri u deputati tiegħu, iżda hu baqa ma jagħmel xejn għax hu għandu gvern mibni fuq gidba, il-gidba tal-Power Station.
Busuttil għalaq bil-kliem, "Your Honeymoon is Over" fejn kien qed jirreferi għal Joseph muscat u qallu wkoll li tilef l-awtorita morali fejn qed jagħmel bħal dak l-imperatur li mingħalih qed jimxi bl-isbaħ ħwejjeġ meta fil-fatt hu għarwien u n-nies qed jaraw taħt il-maskra li qed jilbes il-prim ministru tagħhom".