Il-Pulizija jerġgħu jibdew it-taħriġ b’mod regolari

Ikkonfermat artiklu ta’ ILLUM li deher f’Ottubru

Il-pulizija waqt it-taħriġ tagħhom – Ritratt – John Pisani
Il-pulizija waqt it-taħriġ tagħhom – Ritratt – John Pisani

Fil-ġimgħat li għaddew il-Pulizija kollha reġgħu bdew bit-taħriġ fuq bażi regolari biex b’hekk il-membri tal-Korp, minbarra l-Uffiċjali, se jkunu aġġornati u mħarrġin skont l-eżiġenzi tas-servizz.

Fit-12 ta’ Ottubru li għadda din il-gazzetta rrapportat li “se jerġa’ jibda wkoll it-taħriġ f’Ta’ Kandja li se jkun parti mill-ħin regolari tal-Pulizija u li se jkun hemm xift apposta għat-taħriġ. Dawk li jkunu qed jattendu t-taħriġ se jkunu wkoll fuq standby f’każ li tinqala’ xi emerġenza u l-Korp ikollu bżonn aktar Pulizija.” Fil-fatt il-Pulizija kollha minn Kuntistabbli sa dak ta’ Surġent Maġġur diġà bdew bit-taħriġ.

Il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, li bħala xift normali jaħdmu fuq bażi ta’ Day-Night-Rest-Off u meta jkunu xogħol jaħdmu xift ta’ 13-il siegħa, bdew jitħarrġu f’ħinijiet differenti biex xorta jkunu ħadmu s-sigħat dovuti lill-Korp tal-Pulizija. Minn din l-iskwadra madwar ħames membri minn kull xift ikun imisshom taħriġ kull 24 ġurnata għal tlett ijiem wara xulxin bejn it-8am u l-5pm.

L-istess mit-Taqsimiet l-oħrajn fosthom dawk tad-Distrett u anke dawk mill-branki l-oħrajn fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Anke dawk li dan l-aħħar reġgħu ġew ingaġġati fil-Korp wara li kienu spiċċaw mis-servizz u dawk li tqabbdu  fuq bażi ta’ part-time qed jattendu għat-taħriġ.

Dawk il-Pulizija li jaħdmu b’sistema ta’ xift, bħalma huma tad-Distrett, meta jkunu xogħol filgħodu jattendu għat-taħriġ filgħodu u dawk li jkunu xogħol bejn is-1pm u d-9pm, li huwa x-xift magħruf bħala is-second, imorru għat-taħriġ bejn is-1.30pm u l-4.30pm ukoll kull 24 ġurnata.

It-taħriġ jikkonsisti fi sparar, taħriġ fiżiku, arti marzjali kif ukoll liġi u suġġetti oħrajn. Filwaqt li l-Pulizija tal-RIU t-taħriġ qed jagħmluh f’parti mill-kwartieri tal-istess skwadra f’Ta’ Kandja, il-Pulizija l-oħrajn jużaw l-Akkademja tal-Pulizija li wkoll tinsab f’Ta’ Kandja.

Bħalissa t-taħriġ kollu tal-isparar qed isir fejn hemm il-garaxx tal-Pulizija fil-Furjana, li jinsab fil-Foss ta’ Notre Dame, peress li bħalissa għaddej xogħol estensiv fil-kamp tal-isparar li hemm f’Ta’ Kandja.

More in Politika