Min isaffar jispiċċa fl-iżbarra
Editorjal tal-ILLUM
minn John Busuttil
M’aħniex qed nirreferu għall-insib, fejn aktar ma għasfur kapaċi jsaffar (jgħanni) jispiċċa fil-gaġġa tan-nassab. Però, dak li tħabbar din il-ġimgħa mill-kumissarju l-ġdid tal-pulizija jieħu l-ħsieb lejn in-nassab li bit-trabokk jonsob għal min isaffar u aktar mat-tisfira tkun qawwija aktar ilestilu trabokk tajjeb.
U hekk ġralhom l-aħwa Farrugia li talli t-tisfira tagħhom kienet tali li ħolqot terremot sħiħ spiċċaw maqbuda fi trabokk. Kixfu l-istorja ta’ kif ħuhom George kien kapaċi jgħaddi mill-kurituri ta’ dawk li jiddeċiedu kif u minfejn jinxtara ż-żejt. Kixfu kif irnexxielu joħloq sistema ta’ tixħim kif il-kuntratt jispiċċa jittieħed mill-kumpanija tiegħu u tagħhom u wara anke jispiċċa kollox għandu. Kienu huma li spiċċaw maqbuda fit-trabokk u fl-iżbarra filwaqt li ħuhom irnexxielu jsaffar dak li jrid ’il bogħod mill-iżbarra u l-gaġġa, grazzi għal proklama mogħtija lilu.
Dan il-każ se jfisser li dak il-ħafna ftaħir u pompi li dan il-gvern irnexxielu jdaħħal il-liġi tant bżonjuża tal-whistleblower act sfaxxat fix-xejn. Għax min serva ta’ whistleblower se jiġi mressaq il-qorti jew se jitressaq fi Frar li ġej. Dak li l-gvern ħadem biex iħajjar nies li jafu dak li ma jafx ħaddieħor u jitkellmu dak li jkun jafu ħalli ssir ġustizzja u forsi titnaqqas jew tiġi eradikata l-korruzzjoni sfaxxa fix-xejn. Għax min tkellem u min kixef spiċċa akkużat hu u qed jissogra li jispiċċa fl-iżbarra u forsi anke fil-gaġġa.
Dawk li ma kienx għalihom dan l-iskandlu taż-żejt ħadd ma kien ikun jaf bih qed jiġu ġustizzjati huma u min kien il-moħħ wara l-iskandlu bħal Neruni qed jara lil ħutu jinħarqu. Kienu l-aħwa Farrugia li ppruvaw jgħaddu l-informazzjoni lil Gonzi permezz tal-‘bodyguard’ tiegħu li kien membru tas-servizzi sigrieti billi għaddewlu dokumenti li kienu jikxfu dawn l-iskandli. Iżda Gonzi qas biss ried jarahom u talbu jgħaddihom lil Kap tas-servizzi sigrieti, Godfrey Scicluna u dawn id-dokumenti bdew iduru f’xi ministeri sa ma spiċċaw meqruda għal dejjem minn RS u BP (skont kif qalilna Evarist Bartolo fil-Parlament). Kienu l-aħwa Farrugia li ndunaw kif ħuhom George kien qed jaġixxi illegalment bil-pulizija u s-servizzi sigrieti ma jagħmlu xejn, anzi raw kif id-dokumenti jisparixxu.
U dawn hekk imsejħa ‘whistleblowers’ talli ppruvaw jikxfu dak li kien mistur mill-poplu, spiċċaw fl-iżbarra huma.
B’dan l-għemil bla preċedent fejn whistleblower, f’dan il-każ ħamsa, se jitressqu l-qorti talli kixfu l-akbar skandlu li nkixef f’dawn l-aħħar snin u forsi wkoll għenu xi ftit biex intrebħet u ntilfet elezzjoni, se jressquhom il-qorti. Ma tagħmilx sens!