Non solo inchiesta

Onestà, responsabbilità, trasparenza, meritokrazija u riżenji qatt ma kienu kliem popolari mal-mexxejja tal-PN

Onestà, responsabbilità, trasparenza, meritokrazija u riżenji qatt ma kienu kliem popolari mal-mexxejja tal-PN
Onestà, responsabbilità, trasparenza, meritokrazija u riżenji qatt ma kienu kliem popolari mal-mexxejja tal-PN

Kull deni ħudu b’ġid. Ir-rapport tal-inkjesta dwar l-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia jista’ jkun il-bidu ġdid għal kulħadd. Għalija, l-aktar parti importanti f’dan ir-rapport, apparti dik dwar ir-responsabbiltà, huwa passaġġ, li fil-fehma tiegħi, it-tliet imħallfin ġibdu widnejn kulħadd.

Għandu osservazzjoni valida ħafna. Li ħafna drabi dawk li jkunu fl-Oppożizzjoni faċli ħafna għalihom iwiegħdu ħwejjeġ, li meta mbagħad ikunu fil-Gvern, jagħmlu mod ieħor. Qamet kwistjoni dwar lejn min kienet din l-imbekkata. Għalija kienet ċamata liż-żewġ partiti. Ċamata li għandha tiftaħ għajnejn kulħadd.

Kienet ċamata lill-Partit Nazzjonalista għaliex wara 25 sena fil-Gvern, kliem li qatt qabel ma kien jiġi f’ħalqhom, issa qegħdin jomogħduh bħal ħobż. Onestà, responsabbilità, trasparenza, meritokrazija u riżenji qatt ma kienu kliem popolari mal-mexxejja tal-PN sakemm kienu fil-Gvern. Anzi meta kien hemm minn fosthom beda jinsisti fuq dawn il-valuri, l-aktar wieħed ovvju, Franco Debono, mhux biss ma tawx kasu talli kieku setgħu ġabuh jitkellem waħdu.

Kienet ukoll ċamata lill-Partit Laburista, li fil-manifest elettorali tiegħu wiegħed dak kollu li lissnu t-tliet imħallfin. Għalkemm huwa minnu li mal-ewwel ftit xhur ta’ din l-Amministrazzjoni saru liġijiet li f’25 sena ma saru qatt, bħalma ma hi l-Whistleblower Act, it-tneħħija tal-preskrizzjoni kontra min jabbuża mill-poter u dal-waqt il-liġi dwar il-finanzjament tal-Partiti, il-proċess tal-valuri politiċi msemmija ma jispiċċax mal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet.

Il-proċess tal-indafa fil-politiku mhux mument ta’ darba iżda wieħed li jrid ikun ikkurat u msaħħaħ il-ħin kollu. Dan mhux xi proċess li jsir jekk ikun ġie mwiegħed xi manifest elettorali, kif jippretendi u jemmen Tonio Fenech, iżda huwa wieħed permanenti u kontinwu. Il-proċess tal-indafa politika huwa bħal ġardina kollha ward li jekk titraskuraha timtela kollha ħaxix ħażin, xewk u għollieq li joqtol u jifga lill-ward sabiħ.

Jiena nemmen li dan il-Gvern jista’ jisher aktar fuq dak kollu li qiegħed jiġri. Ma rridux nieħdu bħala valur li jaqa’ mis-sema dak tal-indafa politika. Dan huwa valur li ta’ kuljum, f’kull ħin u kullimkien nieħdu ħsiebu u nikkurawh. Ħafna drabi jiġri li fejn hemm il-poter ikun ukoll il-kompjaċenza bħal donnu kollox jgħaddi. Meta nibdew nagħlqu għajnejna għall-affarijiet żgħar mingħajr ma nkunu nafu nkunu qegħdin inwittu t-triq għal affarijiet kbar. Għalhekk huwa fl-interess tal-Gvern li din l-inkjesta sservi ta’ żveljarin politiku qabel ikun tard wisq!

Din l-inkjesta tista’ tkun il-bidu ta’ xi ħaġa ġdida. Wieħed minn nies li dejjem ammirajt huwa l-Perit Carmel Caccopardo. Fl-infessibiltà politika tiegħu, nilmaħ għajn ta’ onestà u sinċerità tiegħu. Għalhekk bħal meta kiteb u kritika ġustament lil dan il-Gvern ma stajtx ma ninnotax dak li qal dwar din l-inkjesta. Qal ċar u tond li bid-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jissostwixxi Ministru b’ieħor, ninsabu fit-triq it-tajba. Ovvjament dan fil-kuntest li għal snin twal qatt ma rajna deċiżjoni bħal din.

Jiddependi kemm jista’ jkollna bidu ġdid mill-mod kif l-Oppożizzjoni se tkompli ġġib ruħha. Għandu jkun hemm mument ta’ riflessjoni biex naraw fejn stajna żbaljajna u x’nistgħu nagħmlu biex nirranġaw u ma nerġgħux nirrepetu l-iżball. Iżda minn dak li qiegħed nara ma naħsibx li se jkun il-każ. Flok qiegħed jingħad li l-istituzzjonijiet tajjeb jew ħażin ħadmu bis-saħħa ta’ kulħadd, l-Oppożizzjoni jidher li hija determinata li tkompli tagħmel minn dan il-każ, żejża politika.

Bqajt skantat u mnixxef, kif Beppe Fenech Adami mhux biss ma talabx apoloġija għall-malafama li saret lil dawn it-tliet imħallfin, iżda saħansitra ddikjara li ma jiddispjaċihx billi qal li din ma kinitx malafama minkejja li t-tliet imħallfin akkużaw lill-PN b’dan. Ġieli l-element tas-suppervja jwasslek sal-punt li lanqas dak li huwa diċenti ma tibda tagħraf. Jekk din hija l-attitudni li se tieħu l-Oppożizzjoni, allura għandna opportunità mitlufa għall-poplu Malti kollu.

L-Oppożizzjoni flok qiegħda toħroġ bi proposti ta’ kif nistgħu ntejbu s-sistema u nagħmluha aktar trasparenti qiegħda minflok tikkarga biex tieħu vantaġġ minn dak li qalet din l-inkjesta. Tgħid li sar dak li kellu jsir u issa jidher li hemm iċ-ċans għall-kultura politika ġdida, għadha għadejja bit-tgħajjir u l-insulti, mhux biss lill-Gvern iżda anke kontra dawk li għamlu dmirhom.

Hemm problema gravi. Hemm min irid jipprietka dak li qatt ma prattika. Hemm min irid iqarar iżda qatt ma qerr f’ħajtu. Hemm min kien sfiduċjat u jippretendi li flok jitlob apoloġija għal ħażin li wettaq irid jgħallem il-korrettezza politika. Ftit kliem hija kwistjoni ta’ kredibbiltà. Jekk il-Gvern ma jibqax kredibbli n-nies ma għandhomx lejn min iduru u dan għaliex li hija sfortuna li l-Oppożizzjoni imma mhux kredibbli. Jekk trid tista’ tkun, iżda trid turi li tassew trid tkun nadifa.

L-Oppożizzjoni ma ġietx ikkastigata għaliex tilfet l-elezzjonijiet kif iħobb jgħid Simon, possibbli, iżda għax tilfet il-kredibbiltà tagħha. Jekk tibqa’ tieħu l-attitudni li ħadet wara r-riżultat ta’ din l-inkjesta u d-deċiżjonijiet li ttieħdu, għandna ħafna snin oħra fl-Oppożizzjoni għaliex jidher ċar li għadha ma kisbitx il-kredibbiltà politika meħtieġa biex l-elettorat jafdaha. Għadha trid tifdi lilha nnifisha.

More in Politika