Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista tgħid li kuntrarju għal dak li qed jiġi rrappurtat illum fil-ġurnal tal-General Workers’ Union l-Orizzont, li qed tallega li ma hemm l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu l-prezz tal-fuel anqas minn €1, l-aħħar prezzijiet uffiċjali juru kif hemm ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandhom il-prezzijiet anqas minn €1. Dawn huma l-Polonja, l-Latvja, l-Litwanja, l-Estonja u l-Bulgarija. Dawn huma l-prezzijiet li l-konsumaturi jħallsu fil-pompa.
Il-PN qal li l-aħħar prezzijiet ikomplu jikkonfermaw kemm il-prezzijiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu qed iżommu f’Malta huma fost l-ogħla fl-Ewropa, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ petrol kif ukoll għad-diesel.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qiegħed jisfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex juri kemm hu “bravu” – kif sostna hu stess ilbieraħ filgħodu - u jraħħas il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol minnufih ladarba l-prezz internazzjonali taż-żejt raħas” tgħid l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista temm l-istqarrija billi sfida wkoll lill-GWU biex minflok tkompli għaddejja bid-difiża tagħha għad-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fost l-ogħla fl-Ewropa, tingħaqad fl-appell lill-Gvern biex iraħħas minnufih il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biex dawn jirriflettu t-tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt.