B’reazzjoni għal dak li qal is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne nhar is-Sibt waqt intervista fuq ir-radju, fejn żvela l-pjanijiet li l-isptar Boffa jkun ikkonvertit fi sptar ġenerali wara li ssir il-migrazzjoni tal-pazjenti lejn l-isptar il-ġdid tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) ħarġet stqarija fejn sfidat lil Fearne biex jgħid minn fejn se jġib l-infermiera li hemm bżonn għal dan il-proġett.
L-MUMN qalet li tinsab sorpriża dwar l-aħbar li l-Isptar Boffa se jiġi kkonvertit fi sptar ġenerali sal-aħħar tas-sena u saħqet li anke kieku l-istudenti kollha fil-kors tal-infermiera jgħaddu mill-eżamijiet finali ta' din is-sena, xorta waħda jkun hemm biss 160 infermier ġdid meta n-numru ta' postijiet vakanti fl-isptarijiet huwa ta' 300.
Intant is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li l-pjan hu li l-Isptar Boffa jiġi kkonvertit fi sptar ġenerali sa tmiem din is-sena.