Chris Fearne jgħid li l-gvern se jżid 170 sodda

Żieda ta’ 170 sodda f’Mater Dei sa tmiem l-2017

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne

In-numru ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei se jiżdied b’69 sa tmiem din is-sena u 100 oħra sa tmiem is-sena 2017. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-saħħa Chris Fearne waqt il-programm tat-Tnejn filgħaxija, Reporter li ddiskuta l-qasam tas-saħħa f’Malta bis-sehem tax-shadow minister għas-saħħa Claudette Buttigieg.

Min-naħa tagħha, Buttigieg kkritikat il-Gvern li mhux qed iżomm mal-wegħdi elettorali tiegħu li se jinstabu soluzzjonijiet, u dan wara sentejn fil-Gvern.

Fearne saħaq li l-problema tal-iffullar fl-isptarijiet ma kinetx maħluqa minn dan il-Gvern, iżda se tissolva. Dan meta qal li kien wara l-amministrazzjoni ta’ Gvern preċedenti li ma setgħux jiġu mibnija żewġ swali oħra fuq id-dipartiment tal-emerġenza minħabba problem fl-istruttura tal-binja għaliex il-konkrit li ġie użat ma jiflaħx il-piż.

Is-Segretarju Parlamentari  kompla billi qal li issa nstab sit ġdid u x-xogħol qed jimxi, li se jwassal għaż-żieda ta’ 100 sodda sat-tmiem tal-2017.

Għall-kritika ta’ Claudette Buttigieg dwar ir-‘roadmap’ elettorali tal-Partit Laburista li ma ġietx  implimentata immedjatament, Fearne sostna li hemm 3 punti li qed jiġu indirizzati: il-mediċini out of stock, il-‘waiting lists’ u n-numru ta’ sodod, li għalkemm Fearne kompla jgħid li fadal xi jsir f’dawn l-oqsma, diġà sar progress bħall-eżempju li ta dwar il-lista ta’ stennija tal-MRI li minn 18-il xahar, naqset għal 4 xhur.

More in Politika