“Id-dinjità tal-pazjent kienet prijorità meta bil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern beda jinbena l-isptar tal-kura tal-kanċer u llum, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed jibqa’ jinsisti li l-pazjenti, b’mod speċjali dawk li qed jitpoġġew f’kurituri fl-Isptar Mater Dei, jiġu trattati b’dinjità.”
Dan intqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tmiem żjara li għamel dalgħodu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, Sptar Anthony Mamo u l-Isptar Sir Paul Boffa. Matul din iż-żjara, Busuttil iltaqa’ mal-pazjenti f’dawn l-isptarijiet u tkellem magħhom dwar il-mumenti diffiċli li huma jagħddu minnhom.
Din iż-żjara li saret fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Kanċer li jaħbar għada, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien akkumpanjat mix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg.
Waqt iż-żjara, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li teżisti differenza kbira fid-dinjità tal-pazjenti bejn dawk li jinsabu fl-Isptar Sir Paul Boffa u dawk li bdew jieħdu l-kura fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sptar Anthony Mamo. “Dan l-Isptar huwa eżempju konkret tal-politika b’viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li jaħdem biex jagħti d-dinjità lill-pazjenti,” sostna Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkritika lill-Gvern f’dan il-qasam, u sostna li l-Gvern Laburista la kellu u wisq għandu roadmap għall-qasam tas-saħħa. Hu fakkar li fl-aħħar jiem ġie kkonfermat li pazjenti li kienu qed jieħdu l-kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei tilfu ħajjithom.