Iż-żarmar tat-tankijiet tal-gass fil-Qajjenza wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu biex ikun kompletament imneħħi sa tmiem ir-Rebbiegħa. Dan intqal minn Gasco Energy Ltd. li huma l-operaturi tal-impjant ta’ Bengħisa. Gasco Energy Ltd. iffirmaw qbil ma’ Trihills Heavy Industries Ltd. biex iżarmaw l-impjant tal-Enemalta fil-Qajjenza li ilu ma jintuża minn Settemru tal-2013.
Gasco Energy Ltd. qalu li l-proċess ta’ żarmar tat-tankijiet ser isir f’fażijiet differenti fejn se jitqatta u mneħħi mill-post.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Gasco Energy, Paul Agius Delicata qal li l-kwalità tal-arja kienet qed tiġi mmonitorata u m’hemm l-ebda traċċi ta’ gass jew materjali oħra kombustibbli fit-tankijiet jew l-apparat.
Gasco energy issa topera f’faċilità Bengħisa li saret b’investiment ta’ €20 miljun.