Iċ-ċermen tal-V18, Jason Micallef appella lill-Gvern biex ma jċaqlaqx il-monti fl-ispazju maġenb il-Parlament il-ġdid. Dan qalu waqt konferenza stampa li ta fi Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta, waqt li saħaq li b’dan iċ-ċaqliq, ikun qed jiġi rrovinat dan l-ispazju miftuħ li kien ġie maħluq preċiżament biex jitgawda mill-pubbliku.
Waqt l-istess konferenza stampa, Micallef wera d-diżappunt tiegħu mal-Ministru tal-Ekonomija li rrifjuta li jitkellem mal-Fondazzjoni V18 dwar il-każ minħabba li qal li din ma kinetx deċiżjoni tiegħu imma tal-kumitat li kien responsabbli mir-rilokazzjoni tal-monti u d-dehra tal-barkarelli l-ġodda, immexxi minn William Lewis li hu uffiċjal tal-Partit Laburista.
F’Lulju li għadda, Micallef flimkien ma’ għadd ta’ chairpersons ta’ gruppi kulturali bagħat ittra lill-Ministru Cardona biex terġa’ tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni. Għal dan, il-kumitat kien qal li d-deċiżjoni li ttieħdet kienet waħda finali.
Waqt li Micallef kien konxju li ż-żewġ partiti kienu qegħdu li monti se jiċċaqlaq fi Triq l-Ordinanza, qal li dan m’għandux jibqa’ sejjer sa Triq ir-Repubblika, biswit il-Parlament il-ġdid. Waqt li tenna li din il-parti tat-triq kienet mibnija bħala triq pedonali, sostna li ma kinetx mibnija biex tiflaħ għall-barkarelli u l-vannijiet. Dan waqt li semma kif karozzi u vannijiet se jkunu qed jingumbraw Pjazza de Vallette.
Micallef kompla jgħid li deċiżjoni ta’ rikolazzjoni bħal din tista’ twassal għal problemi ta’ loġistika fl-użu tat-teatru u l-Kavallier ta’ San Ġakbu.
Micallef appella biex jirrenja s-sens komun f’din id-deċiżjoni u l-monti jinżamm fuq naħa waħda ta’ Triq l-Ordinanza.