"L-għajnuna hawn qiegħda" - Hospice fil-Jum Dinji Kontra l-Kanċer

Illum jiġi mfakkar il-Jum Dinji kontra l-Kanċer

Il-President waqt id-diskors tagħha fil-Jum Dinji kontra l-Kanċer
Il-President waqt id-diskors tagħha fil-Jum Dinji kontra l-Kanċer

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Kanċer, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Maniġer tas-Servizzi għall-Kura tal-Hospice Movement Anna Zammit dwar x'inhu l-appell tagħha f'isem il-Hospice f'dan il-Jum.

Zammit qalet li huwa tassew importanti li fid-dinja tal-lum ngħixu stil ta' ħajja b'saħħtu, u li nagħtu kas dak li nieklu u nagħmlu sabiex nevitaw il-mard. "Min-naħa ta' dawk li diġà ħakmithom din il-marda, aħna dejjem nagħmlulhom kuraġġ u nħeġġuhom ifittxu l-għajnuna hekk kif l-għajnuna hemm qiegħda."

Zammit spjegat kif fl-2014, il-Hospice kellha iktar minn elf pazjent u 670 minnhom kienu kollha ġodda. Mis-servizzi tal-Hospica gwadanjaw diversi pazjenti u qraba u saru 'l fuq minn 7,000 viżta.

Fl-okkażjoni tal-lum il-President Marie Louise Coleiro Preca tkellmet ukoll u għamlet referenza għax-xogħol li qed isir biex jgħin lil dawn il-persuni li taħkimhom din il-marda, u għamlet referenza għan-National Cancer Platform li ġie mniedi lbieraħ.

Fid-diskors tagħha l-Presdient qalet "Din il-platform tagħti spazju lil kull organizzazzjoni li, filwaqt li żżomm l-identità tagħha, tgħaqqadhom flimkien biex jikkolaboraw flimkien f’għan wieħed, dak li jgħinu l-pazjenti morda bil-kanċer, u l-familji tagħhom. Ir-rispons ta’ dawn l-għaqdiet kien mill-isbaħ, u qawwieli qalbi mhux ftit, biex inkompli naħdem biex bħala soċjetà, inkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex intaffu ftit mit-tbatija ta’ nies morda bil-kanċer."

Fuq ix-xewqa tal-organizzazzjonijiet stess, qed isiru diversi inizjattivi biex jibda jinxtered tagħrif dwar ix-xogħol li jwettqu l-għaqdiet, bħal fuljett ta’ informazzjoni, freephone u paġna fuq Facebook, fost oħrajn.

"Jiena kburija wkoll bl-appoġġ sħiħ tagħkom il-professjonisti, li kull meta għamiltilkom appell, dejjem kontu minn ta’ quddiem biex toffru l-pariri, u l-għajnuna professjonali tagħkom biex insalvaw il-ħajja."

More in Politika