Il-Kummissjoni għall-Politika Soċjali, fi ħdan il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), organizza Assemblea dwar il-Kaċċa fir-Rebiegħa fejn fiha, 8 kelliema u l-istudenti preżenti taw l-opinjoni tagħhom dwar is-suġġett. L-Assemblea tmexxiet minn Becky Camilleri u Andrew Muscat.
Għalkemm l-argumenti kienu bosta, il-kelliema kollha li taw sehemhom waqt l-assemblea, tkellmu kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Fost l-argumenti li ssemmew kien hemm l-apatija u l-inkonsistenza tal-politikanti li għalkemm kemm-il darba tkellmu favur l-ambjent u l-għasafar, xorta qalu li ser jivvutaw favur il-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan minbarra l-fatt li l-ebda mill-membri Parlamentari li ġew intervistati ma qalu jekk hux se jivvutaw favur jew kontra.
Waħda mill-kelliema, Bernice Saliba tkellmet dwar kif għalkemm hija ħaġa pożittiva li l-poplu rreaġixxa u għamel xi ħaġa biex ikun hemm il-bidla. Fl-istess waqt, kompliet tgħid, “Hija tassew inkredibbli kif minn fatt daqshekk sempliċi, kellna naslu s’hawn. Toqtol għasfur biex tieħu gost, tagħmel ħsara ambjentali biex tieħu gost.”
Min-naħa l-oħra, xi studenti preżenti ilmentaw kif mhux sew li “Mal-ħażin jeħel it-tajjeb,” fejn mhux kull kaċċatur jabbuża u għaldaqstant li titneħħa kompletament il-kaċċa fir-rebbiegħa, mhix soluzzjoni.
Preżenti għall-Assemblea kien hemm ukoll membri tal-kampanja Shout (Spring Hunting Out).