Kabinett bi kwart tal-membri nieqsa, ddeċieda fuq il-proklama
Gonzi jiddeċiedi fuq il-proklama b'diversi membri fil-kabinett neqsin
More in Politika
Gonzi jiddeċiedi fuq il-proklama b'diversi membri fil-kabinett neqsin
Il-proklama lil George Farrugia b’rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt ingħatat mill-Kabinett ta’ Gonzi meta kien hemm mal-kwart tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu nieqsa mil-laqgħa.
Dan il-ġurnal huwa infurmat li fost dawk li ma kinux preżenti kien hemm tliet Ministri. Minn dawn Ministru wieħed biss kien assenti minħabba safar, Dolores Cristina.
L-eks Ministru Tonio Fenech kien fost dawk li ma kinux preżenti. Fil-ħin li Gonzi laqqa’ l-Kabinett Fenech kien qiegħed fuq programm televiżiv. Tonio Fenech huwa fost dawk li ismu qed jissemma fl-investigazzjoni minn George Farrugia bħala dak li ngħata arloġġ tal-lira mill-mara ta’ ħuh.
Sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalu li kieku Tonio Fenech kien preżenti għal din il-laqgħa tal-Kabinett, ikun hemm il-possibilità li l-proklama lil George Farrugia tiġi nulla. U dan minħabba li l-persuna li ngħatat l-proklama implika fil-każ tal-iskandlu tax-xiri taż-żejt lil xi ħadd li ddeċieda fuqu fl-għoti tal-proklama.
Il-laqgħa tal-Kabinett issejħet minn Gonzi tard il-Ġimgħa filgħaxija eżatt kif wasal minn safar li kellu fi Brussell. U dan flok mal-laqgħa saret kmieni l-għada s-Sibt filgħodu fejn kien ikun hemm differenza ta’ ftit sigħat biss. Fost dawk li ddeċidew biex George Farrugia jingħata l-proklama kien hemm Austin Gatt, meta dan issejjaħ biex jagħmel dikjarazzjoni fid-Depot tal-Pulizija b’rabta mal-każ.
Deċiżjoni maġġuri u daqshekk sensittiva bħal ma hi l-għoti ta’ proklama lil George Farrugia fi skandlu daqshekk kbir bħal ma hu dak tax-xiri taż-żejt kienet titlob il-preżenza tal-membri kollha tal-Kabinett, inkluż dik ta’ Tonio Fenech.
Dan ikompli jorbot mad-dikjarazzjonijiet kuntrastanti li qed ikun hemm dwar min fil-verità ddeċieda li George Farrugia jingħata l-proklama. Lawrence Gonzi kemm-il darba pprova jagħti l-impressjoni li ma kienx il-Gvern li ħareġ bl-idea tal-proklama lil George Farrugia u li l-proklama ngħatat fuq parir tal-Kummissarju tal-Pulizija. Iżda dikjarazzjonijiet tal-eks Kummissarju John Rizzo jixhdu mod ieħor. John Rizzo fix-xhieda tiegħu fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi għall-aktar minn darba qal li ma kienx hu li ħareġ bl-idea tal-proklama.
Fl-aħħar jiem komplew joħorġu aktar emails li kien hemm għaddejjin bejn Lawrence Gonzi u Cathy Farrugia, l-mara ta’ George Farrugia. Qabel mal-emails ħarġu fil-pubbliku Lawrence Gonzi kien qiegħed jgħid li ma jafx lil Cathy Farrugia. La darba dawn l-emails saru pubbliċi Gonzi biddel il-verżjoni u qal li kien jafha iżda mhux mill-viċin. Għall-email partikulari li Cathy bgħatitlu, Gonzi rrisponda lura jselli għal kulħadd fil-familja.
Għada t-Tnejn mistenni jkompli jiltaqa’ l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi fejn mistennija tkompli x-xhieda tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi b’rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt.