Is-servizz tas-saħħa mentali

Xi darba jew oħra lkoll irridu mmissu miegħu

Id-daħla tal-isptar Monte Carmeli
Id-daħla tal-isptar Monte Carmeli

Il-qasam tas-saħħa hu settur li lil hinn mill-politika jinteressa lil kulħadd hekk kif xi darba jew oħra lkoll irridu mmissu miegħu, min għal ħaġa u min għal oħra, kemm għalih jew għal xi familjari tiegħu.
 
Fost id-diversi oqsma tas-saħħa hemm ukoll il-qasam tas-saħħa mentali, suġġett li għal ħafna din il-kundizzjoni jew marda għadha titqies bħala xi ħaġa li m’għandekx titkellem dwarha u wisq anqas tiżvela li ħadt xi kura għaliha, anke minħabba li l-istess sptar mentali, l-isptar Monte Carmeli, għandu stigma li ilha tinġarr għal numru ta’ snin.

Tkellimna ma’ nies familjari mal-isptar Monte Carmeli u s-servizzi disponibbli u li għal raġunijiet ta’ etika u kunfidenzjalità għażilna li ma nippublikawx l-ismijiet.

Fost l-ewwel kummenti jingħad li fl-isptar Mater Dei hemm biss dipartiment tal-psikjatrija bi 15-il sodda. Jingħad ukoll li s-sistema hija selettiva immens dwar it-tip ta’ pazjenti li jiddaħħlu. Dan għalhekk ifisser li l-Isptar Monte Karmeli huwa l-fornitur predominanti tas-servizz, kemm ta’ kura fit-tul u kif ukoll f’dik akuta.

Jidher ukoll li l-baġit provdut għas-saħħa mentali jeħtieġ jiżdied biex jagħti servizzi aktar effettivi fl-isptar u fil-komunità. Hemm ħtieġa kbira ta’ aktar djar residenzjali fil-komunità li jofru appoġġ fit-tul jew “supported independent living” lil persuni bi problema ta’ saħħa mentali. Dawn id-djar għandhom ikunu koperti minn standards nazzjonali bħal djar residenzjali oħra.

Issemma wkoll ir-rapport Johns Hopkins li kien ġie kkummissjonat ftit tas-snin ilu mill-Gvern preċedenti. Dan ir-rapport kien għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom, li għandha tinstab faċilità oħra minflok l-Isptar Monte Karmeli. Hopkins iddeskriva l-ambjent ta’ Monte Karmeli bħala wieħed li ma joffri ebda dinjità u li qed jipprevjeni n-nies li għandhom problema ta’ saħħa mentali milli jfittxu l-għajnuna immedjata.

Dwar is-servizzi l-kelliema qalu li s-servizzi offruti mhumiex lineari jew kompleti. Spjegaw li m’hemmx pjan strateġiku fit-tul imma biss immaniġġjar bi kriżi, bħal pereżempju wara li jiġi rrappurtat xi inċident jew storja fil-mezzi tax-xandir. Semmew bħala eżempju il-bini tal-Young Persons Unit.

Tkellmu wkoll dwar is-servizzi fil-komunità u spjegaw li għalkemm il-viżti fid-djar għadhom rarità, is-servizzi tas-saħħa mentali offruti fiċ-ċentri tas-saħħa qegħdin jitjiebu.

Dwar iċ-ċentri ta’ matul il-jum li joffru servizzi ta’ kura fil-qasam tas-saħħa mentali, il-kelliema qalu li dawn ma joffrux trasport meta waħda mill-problemi prinċipali għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali huma l-biża’ ta’ soċjalizzazzjoni, u għaldaqstant dawn il-persuni jeħtieġu transport u ħaddiema biex jinkoraġġuhom.

Tkellimna dwar x’jiġri meta jkollok każ ta’ emerġenza li tinvolvi persuna bi problemi ta’ saħħa mentali. Hawnhekk il-kelliema qalu li s-servizz hu offrut biss bejn is-7am u s-7pm fl-Isptar Mater Dei fejn hemm dak li hu magħruf bħala ‘Crisis Intervention Team’. Apparti li dan it-tim mhux disponibbli f’każ ta’ emerġenza bejn is-7pm u s-7am tal-għada filgħodu, dan it-tim anqas ma jipprovdi servizz fil-komunità.

Filwaqt li saħqu dwar il-ħtieġa ta ‘Crisis Intervention Team’  li jkun disponibbli 24 siegħa kuljum, spjegaw li l-għan ta’ dan it-tim huwa li jiġu evalwati l-pazjenti kollha qabel ma jiddaħħlu għall-kura psikjatrika akuta. Żiedu li dan it-tim, permezz tal-interventi tiegħu, jista’ jnaqqas in-numru ta’ dħul ta’ pazjenti fl-isptar.

Sabiex wieħed jagħmel użu mill-‘Crisis Intervention Team’ f’Mater Dei, dan irid ikun ġie riferit minn tabib. Qalu li dan il-proċess qed ixekkel lill-persuni milli jfittxu għajnuna mit-taqsima tal-psikjatrija f’każijiet ta’ kriżi u emerġenza bi bżonn ta’ kura immedjata.
Il-kelliema qalu li hija tal-mistħija li jekk il-familjari ma jirnexxilhomx jieħdu lill-għeżież tagħhom l-Isptar Monte Karmeli dawn ikollhom isejħu lill-pulizija avolja l-pazjent mhux kriminali.

Dwar l-Isptar Monte Karmeli, il-kelliema qalu li s-servizz provdut f’dan l-isptar huwa fil-maġġor parti tiegħu ‘custodial care’ – jiġifieri għajnuna fl-attività ta’ kuljum tal-pazjent. Saħqu li hemm nuqqas ta’ ħaddiema speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa mentali u l-ambjent fl-istess sptar jiskoraġixxi lil nies professjonali biex jispeċjalizzaw fil-qasam tas-saħħa mentali li fih innifsu huwa speċjalizzazzjoni diffiċli u b’ħafna sfidi. Qalu li japprezzaw l-isforzi kbar li jagħmlu ċerta ħaddiema f’dan is-settur, li minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi jagħmlu l-għalmu tagħhom kollu biex jipprovdu kura xierqa u jipprovaw iġibu l-bidliet li huma tant meħtieġa f’dan is-settur.

Żiedu jgħidu li preżentament fl-Isptar Monte Karmeli hemm ħafna carers u infermiera barranin li bilkemm kapaċi jikkomunikaw mal-pazjenti u dan meta għandek pazjent psikotiċi jew b’dipressjoni u li għalihom il-Malti hu essenzjali biex jikkomunikaw.

Ilment komuni kien dwar il-privatezza tal-pazjent fejn milli jidher meta pazjent ikollu familjari jżuruħ, dawn jitpoġġew f’‘waiting room’ żgħira ma’ pazjenti u familjari oħra. Hemm anke l-fatt li l-viżitaturi jkollhom jagħtu isimhom u n-numru tal-karta tal-identità qabel ma jidħlu f’Monte Karmeli, xi ħaġa li ma tiġrix fi sptarijiet oħra. Żiedu li l-ħinijiet tal-viżitaturi huma limitati għal sagħtejn waranofsinhar biss matul il-ġimgħa u l-Ħdud u festi sagħtejn oħra filgħodu meta f’Mater Dei hemm ħinijiet filgħodu, wara nofsinhar u filgħaxija.

 

More in Politika