Il-prezzijiet tal-fuels se jkomplu jorħsu f’Marzu u f’April

L-Enemed se tkun qed tgħaddi prezzijiet orħos tal-fuels lill-konsumatur

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD li saret dalgħodu, l-imsieħba soċjali ddiskutew il-prezzijiet tal-fuels u l-pjanijiet tal-gvern f’dan il-qasam.

Fil-ftuħ tal-laqgħa, iċ-Chairman tal-MCESD John Bencini qal li kuntrarju għal dak li kien rappurtat fil-media, il-laqgħa tal-lum ġiet skedata mal-ewwel malli saret it-talba kemm mill-GRTU kif ukoll mill-MHRA. Qal li l-Ministru Helena Dalli li taħta jaqa’ d-dekasteru tad-djalogu soċjali ma setgħetx tkun preżenti minħabba impenji uffiċjali barra minn Malta.

Fi preżentazzjoni li għamel, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi qal li l-politika ta’ stabbiltà fil-prezzijiet tal-fuels se tkompli u li l-prezzijiet se jkomplu jiġu aġġustati fix-xhur li ġejjin u għalhekk il-kumpanija Enemed se tkun qed tgħaddi prezzijiet orħos tal-fuels lill-konsumatur.

Huwa spjega kif permezz tal-politika ta’ stabbiltà, Malta kellha prezzijiet orħos mill-medja Ewropea fl-2014 u li l-petrol taħt din l-amministrazzjoni roħos seba’ darbiet filwaqt li dak tad-diesel roħos ħames darbiet. Il-Ministru Mizzi qal ukoll li fejn qabel taħt l-amministrazzjoni preċedenti d-diskussjoni kienet tkun dwar kemm se jkun qed jogħla l-prezz tal-fuel permezz ta’ politika ta’ ċaqliq fil-prezzijiet, illum id-diskussjoni hi dwar kemm għandhom jorħsu l-prezzijiet. 

Il-laqgħa tal-lum hija parti minn eżerċizzju kontinwu fejn il-Gvern jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti u jkunu diskussi materji li jikkonċernaw l-attività ekonomika tal-pajjiż. 

Mizzi elenka wkoll it-tibdil li sar fl-Enemalta permezz tal-investiment ta’ €320 miljun mingħand l-SEP, li permezz tiegħu se jkun qed jonqos b’mod drastiku d-dejn tal-kumpanija filwaqt li l-Enemalta se tkun qed tinvesti b’madwar €21 miljun biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni u b’hekk jonqos il-qtugħ tal-elettriku.

 

 

More in Politika