“Il-Qorti Kostituzzjonali għandha tkun dik li tiddeċiedi jekk il-PN għandux jingħata ż-żewġ siġġijiet.” Dan qalu d-deputat mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela meta lberaħ kien qed jieħu sehem fil-programm Reporter flimkien mas-segretarju ġenerali tal-partit nazzjonalista Chris Said.
Minn naħa tiegħu Chris Said qal li l-Qorti ddeċidiet li filwaqt li ma tagħtix raġun fuq il-każ tal-voti tat-13 il-distrett, tagħti raġun lill-PN li għandu jingħata 2 siġġijiet oħra fi żmien 30 ġurnata. Hu appella biex ma jkunx hemm dewmien u tkaxkir tas-saqajn f’dan ir-rigward jew li jinstabu skużi li jkomplu jżommu lill-partit milli jakkwista dawn is-siġġijiet li skont is-sentenza tal-Qorti huma bi dritt tal-partit nazzjonalista.
Said qal ukoll li jistenna li l-kummissjoni elettorali tagħmel xogħolha filwaqt li Toni Abela fakkar li kien il-partit nazzjonalista fil-gvern ta’ dak iż-żmien li organizza l-elezzjonijiet u akkuża lill-PN li kienu negliġenti f’xogħolhom. Hu fakkar li jiġri x’jiġri, finalment id-distakk ta’ 36,000 elf vot favur il-Partit Laburista xejn mhu se jbiddlu.
Il-programm, bi preżentazzjoni ta’ Saviour Balzan, inkluda wkoll intervisti qosra ma’ Hermann Schiavone u Louis Gatt.