Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jsostni u jafferma dak li qal Lawrence Gonzi fil-Public Accounts Committee, li il-whistleblower li ġab għad-dawl dan il-każ, kellu xi motivazzjonijiet politiċi. Dan qalu meta kien qed jiġi mistoqsi mill-mezzi tax-xandir waqt li kien qed jiltaqa’ mal-kostitwenti f’Ħal Balzan.
Kompla jgħid li Joseph Muscat uża l-każ tal-iskandlu taż-żejt għal raġunijiet politiċi. Meta ħarġet l-istorja, tressqu 7 persuni fi żmien xahar b’każi relatati ma’ korruzzjoni u tixħim. Kompla jgħid li b’differenza ta’ dan, f’sentejn minn mindu l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern ma tressaq ħadd. “M’għandix dubju li Joseph Muscat uża dan il-każ biex jitfa’ t-tajn lejn ħaddieħor għal raġunijiet politiċi”
Busuttil sostna li dan il-każ imur lura għaxar snin u għaldaqstant staqsa għalfejn min kellu l-informazzjoni ma kixifhiex qabel, imma stennew l-elezzjoni ġenerali. “Dan juri l-motivazzjoni politika ta’ Joseph Muscat li juża dan il-każ waqt il-kampanja elettorali biex jirbaħ l-elezzjoni”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla billi qal, li agħar minn hekk, l-aħwa Farrugia li kellhom jitressqu l-Qorti, għadhom ma tressqux u li l-avukat tagħhom kien l-eks ministru Manwel Mallia. Busuttil temm billi staqsa għaliex meta Mallia kien il-Ministru tal-Intern, l-aħwa Farrugia ma tressqux il-Qorti. Skont Busuttil, dawn huma l-affarijiet jagħtu suspett li kien hemm motivazzjoni politika qabel u wara l-elezzjoni.
Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista intqal li Simon Busuttil għadu qed jiddefendi l-ikbar skandlu politiku fl-istorja tal-pajjiż u qed jattakka lil min wassal l-informazzjoni imma mhux lil min kien involut fil-każ. Il-PL ikompli jgħid li l-każ seħħ taħt Gvern Nazzjonalista u Busuttil ma jistax jibqa’ jgħid li qed jintefa’ t-tajn meta jispiċċa dahru mal-ħajt. Il-Partit Laburista temm billi saqsa jekk hux sew li l-proklama lil George Farrugia ingħatat meta nofs il-kabinett ma kienx preżenti.