L-NSO tħabbar sena rekord f'investiment barrani

Jidher li fl-2013 l-investiment dirett barrani żdied b'€241 miljun

L-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tikkonferma li fl-2013, l-investiment dirett barrani (eskluż il-movimenti fis-settur finanzjarju) żdied b’€241 miljun, riżultat ta’ żieda fis-setturi kollha u speċjalment fil-manifattura. Fi stqarrija li nħarġet mill-Gvern jingħad li anke fil-kamp tal-investiment barrani, amministrazzjoni ġdida fissret bidla pożittiva fid-direzzjoni.

Fl-istqarrija l-Gvern jgħid li "Fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, l-investiment barrani (eskluż il-movimenti fis-settur finanzjarju) kien baqa’ stabbli. Filwaqt li kien hemm żieda fl-investiment barrani fis-servizzi, din kienet kuntrastata minn tnaqqis ta’ investiment fil-manifattura."
 
Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-2013, l-investiment dirett barrani (eskluż il-movimenti fis-settur finanzjarju) żdied b’€241 miljun, riżultat ta’ żieda fis-setturi kollha u speċjalment fil-manifattura.
 
Fl-ewwel sitt xhur tal-2014, reġa’ kien hemm żieda ta’ €131 miljun fl-investiment barrani (eskluż il-movimenti tas-settur finanzjarju).
 
Fost is-setturi fejn l-aktar żdied l-investiment hemm il-manifattura u s-settur tal-akkomodazzjoni u t-trasport. Kien hemm żidiet konsiderevoli wkoll fl-investiment barrani fl-industrija tas-servizzi professjonali u tekniċi kif ukoll fl-informatika.

Matul l-ewwel disa’ xhur tal-2014, kien hemm 106 investiment li ngħataw inċentivi mill-Malta Enterprise, b’kuntrast mal-75 proġett li seħħ fl-istess żmien tal-2013. Mal-187 kumpanija ħadu bejniethom €46.5 miljun f’tax credits biex jinvestu, filwaqt li kumpaniji żgħar u medji ngħataw €7 miljun f’għajnuniet fiskali.

890 intrapiża bbenefikaw mill-iskema tal-MicroInvest, b’għajnuna totali ta’ €6.2 miljun. €16-il miljun ġew investiti fit-titjib taż-żoni industrijali u rranka x-xogħol fuq id-Digital Hub.

More in Politika