"Jeħtieġ politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni" - Sant

Saru passi siewja f’dan is-sens imma baqa’ ħafna xi jsir speċjalment fil-mod kif il-piżijiet jitqassmu bejn pajjiżi membri

Alfred Sant lill-Parlament Ewropew : Hemm bżonn ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa
Alfred Sant lill-Parlament Ewropew : Hemm bżonn ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa

Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li hu f’qafas ta’ politika Ewropea għal migrazzjoni legali li l-isforzi biex titħaddem il-viġilanza fil-fruntieri u biex l-asil ikun regolat jistgħu jsiru aktar effettivi.  B’xorti ħazina, l-anqas li ġiet zviluppata sa issa, kienet din il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni legali, anke jekk dan hu qasam fejn l-għajta ta’ aktar Ewropa l-aktar li jagħmel sens. Sa issa, kien biss il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz li l-aktar ta għarfien lil din il-priorità.

L-ewroparlamentari Malti qal li għandha tiddaħħal politika komuni dwar immigrazzjoni legali fl-Unjoni li tissodisfa t-talba għal aktar ħaddiema f’ċerti pajjiżi membri u li tirrifletti bżonnijiet ekonomiċi differenti f’pajjiżi membri oħra. Politika bħal din tkun tista’ tikkanalizza t-talba għal immigrazzjoni ekonomika minn barra l-Unjoni u tgħin fl-ikkalibrar tal-politika ta’ viġilanza mal-fruntieri. Toffri qafas razzjonali u ħanin għall-problemi umani kbar li tirrapreżenta kwalunkwe forma ta’ migrazjoni.

Alfred Sant qal li irid ikun hemm viġilanza serja mal-fruntieri tal-Unjoni. Għad baqa’ ħafna xi jsir f’dal-qasam. Il-pajjizi li jinsabu fil-fruntiera tal-Unjoni waħidhom mhux jirnexxielhom ilaħħqu mal-problemi. L-isforz komuni sadattant għadu mhux bizzejjed.

Jeħtieġ politika ta’ għoti u tħaddim ta’ azil li tkun komprensiva, aġġornata u kkordinata sew. Saru passi siewja f’dan is-sens imma baqa’ ħafna xi jsir speċjalment fil-mod kif il-piżijiet jitqassmu bejn pajjiżi membri.

Huwa qal li biex popli minn barra l-Ewropa jitħallew jiġu jgħixu fiha dawn il-fatturi jridu jiġu zviluppati flimkien jekk se naffaċċjaw b'mod koerenti l-isfidi li qed iwasslu biex ikun hemm ċaqliq qawwi ta’ popolazzjonijiiet lejna. U rridu nżommu koerenti wkoll mal-valuri li jikkostitwixxu l-Ewropa, temm jgħid Dr. Sant.

Segwi l-intervent ta’ Dr. Sant hawn.

 

More in Politika