Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-irwol ta' Malta fil-kriżi tal-Libja għandu jkun ta' komunikatur.
Waqt li semma l-pożizzjoni ta' Malta, bejn l-Afrika ta' Fuq u l-Ewropa, Muscat qal li huwa fl-interess ta' pajjiżna li naraw il-paċi tirrenja fiż-żona tal-Mediterran.
Il-Prim Ministru kien diġà ddikjara li l-laqgħat ta' Ġinevra ma kinux qed iħallu xi frott, u qal li l-unika tama hija intervent mill-Ġnus Magħquda.
Il-Ġnus Magħquda għandhom iniedu pjan ta' azzjoni konġunt biex isolvu s-sitwazzjoni. Malta m'għandhiex forzi militari jew tagħmir biex tforni l-proċess għaż-żamma tal-paċi imma rridu nkomplu nkunu s-sieħeb ta' fiduċja tal-Libja u nikkomunikaw magħhom. B'hekk inkunu nistgħu noffru soluzzjonijiet loġistiċi," żied Muscat.
L-Italja diġà ħabbret li kienet lesta tingħaqad mal-forzi tal-Ġnus Magħquda biex tissielet kontra theddida terroristika fil-Libja wara avvanzi minn fazzjoni fil-Libja li ħalfet il-lealtà tagħha mal-militanti tal-Istat Iżlamiku (IS).
Intant, il-militar Eġizzjan ibbumbardja żoni tal-ISIS mas-sbiħ, dalgħodu, bi tpattija għal qtil ta' 21 Kristjan Koptiku Eġizzjan li nqatlu fuq bajja fil-Libja. Għal iktar informazzjoni aqra hawn.