Dalgħodu l-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, is-Segretarja Eżekuttiva tal-PL, Lydia Abela ppreżentaw appell fil-Qorti Kostituzzjonali dwar id-deċiżjoni tal-Qorti preseduta mill-Imħallef Dr Jacquline Padovani li fiha allokat żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament għall-Partit Nazzjonalista.
Fost is-sottomissjonijiet li ppreżenta, il-Partit Laburista qal li mill-bidu nett il-PL kellu jkun wieħed mill-partijiet fil-każ u l-Qorti kellha l-poter li ssejjaħ lill-PL fil-każ.
Kien aktar kmieni dan ix-xahar li l-Qorti ddikjarat li żball uman wassal għal riżultat żbaljat fir-rappreżentanza elettorali u ordnat lill-Kummissajoni Elettorali biex tiddikjara bħala eletti liż-żewġ kandidati Nazzjonalisti li ġabu l-aktar voti, b’hekk il-PN iżid żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament.
Skont il-Partit Laburista, l-interess legali u politiku kien evidenti manifestat mill-bidu nett iżda dan ġie injorat totalment mill-Qorti. Fuq dawn il-bażi, fost raġunijiet oħrajn li ġew sottomessi fl-appell, il-PL qed jinsisti li s-sentenza tal-Qorti hija nulla u bla effett minħabba nuqqas ta’ integrità ġudizzjarja tal-Qrati.
Il-petizzjoni ġġib il-firma tal-Avukat Toni Abela.