John Dalli jiftaħ libell kontra Times of Malta

L-eks-Kummissarju Ewropew jiċħad artiklu dwaru li jgħid li huwa involut fis-Swissleaks

John Dalli
John Dalli

L-eks-Kummissarju Ewropew u eks-Ministru Nazzjonalista, John Dalli, ċaħad li huwa involut fil-każ Swissleaks kif ġie rrapportat f’artiklu l-ġurnal Time of Malta tal-lum bit-titlu “No suspension for Gatt and Dalli over Swiss Accounts” (L-ebda sospensjoni għal Gatt u Dalli fuq Kontijiet Svizzeri).

Fi stqarrija li ħareġ John Dalli qal li llum stess ippreżenta libelli kriminali u ċivili kontra t-Times of Malta fuq rapport malizzjuż li deher illum f’paġna 4. Dalli qal li r-rapport tat-Times of Malta huwa malizzjuż u li l-gazzetta kellha l-intenzjoni li ddaħħlu fl-istorja tal-kontijiet fl-Isvizzera billi jagħtu x’jifhem li seta’ kien involut f’din il-lista ta’ kontijiet bankarji.

L-eks-Kummissarju Ewropew qal li t-Times of Malta ilha għaddejja b’dan ir-rappurtaġġ malizzjuż is-snin u fakkar li meta ħarget il-gidba dwar flus fil-Bahamas li t-Times spinnjaw kemm felħu. Huwa qal li kien kiteb lill-Parlament Ewropew fejn offrielhom li jagħtihom ‘power of attorney’ biex jaraw mal-banek kollha tad-dinja jekk kellux xi kont magħhom.

John Dalli talab lill-Gvern biex dan jeżiġi li jkollu l-lista f’idejh, b’hekk ma jibqax lok ta’ rikatt u manipulazzjoni kif ġara f’dan il-każ.

 

More in Politika