Ħidma għal iktar informazzjoni dwar vjaġġaturi li jidħlu fl-Ewropa

Francis Zammit Dimech jirrappreżenta lil Malta f'laqgħa dwar il-fruntieri Ewropej

Francis Zammit Dimech
Francis Zammit Dimech

Id-Deputat Francis Zammit Dimech qiegħed jipparteċipa f’laqgħa interparlamentari organizzata mill-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Intern tal-Parlament Ewropew dwar il-fruntieri Ewropej. Il-laqgħa, li qiegħda tinżamm fil-Parlament Ewropew, hi waħda ta' konsultazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti Nazzjonali dwar numru ta’ proposti leġiżlattivi Ewropej f’dan il-qasam.
 
Minħabba fiż-żieda enormi fl-għadd ta' vjaġġaturi li qegħdin jaqsmu l-fruntieri Ewropej u anki minħabba sfidi ġodda li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa minħabba f'hekk, il-laqgħa qiegħda tiddiskuti dak li qed jissejjaħ 'The Smart Borders Package' biex b'hekk il-pajjiżi Ewropej ikunu jistgħu jaqsmu aħjar bejniethom l-informazzjoni li tinġabar fuq vjaġġaturi minn barra l-Ewropa.
 
Id-Deputat Francis Zammit Dimech, li qed jirrappreżenta l-Parlament Malti f'din il-laqgħa, tkellem fuq l-esperjenzi ta' Malta fuq dan is-suġġett u fuq il-prinċipji li jibqgħu dejjem fundamentali għall-Unjoni Ewropea bħal ma hu l-prinċipju tal-ħarsien tad-dinjità ta' kull bniedem.

More in Politika