Preżentata evidenza fil-każ ta' Elton Taliana
Saviour Balzan juri kif kien hemm investigazzjoni dwar Elton Taliana b'relazzjoni mal-attakk fuq id-dar tiegħu.
More in Politika
Saviour Balzan juri kif kien hemm investigazzjoni dwar Elton Taliana b'relazzjoni mal-attakk fuq id-dar tiegħu.
L-Editur tal-MaltaToday, Saviour Balzan illum wera fil-qorti ammont ta’ dokumenti interni tal-pulizija li jorbtu lill-ispettur Elton Taliana ma’ kriminali magħrufa.
Balzan kien qiegħed jixhed f’kawża ta’ libell kontrih minn Taliana. Dan il-libell sar hekk kif deher artiklu li fih l-ispettur ġie assoċjat mal-ħruq li soffriet ir-residenza li kien joqgħod fiha Saviour Balzan dak iż-żmien.
“Lil Elton Taliana ma nafux, iżda xi żmien wara kkuntattjatni terza persuna u qaltli li fil-ħajja private ta’ Elton kien hemm nies li għandhom x’jaqsmu mal-importazzjoni tal-armi u mal-prosituzzjoni. Dan kien sors kredibbli, u ta’ min joqgħod fuqu, u b’hekk iddeċidejt li nressaq dan kollu jien personali quddiem il-Kummisarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien ; Il-Kummissarju John Rizzo. Għidlu b’kull ma kont naf – bil-kundizzjoni li l-identità tas-sors ma ssofri bl-ebda’ mod jew li jkun hemm xi tip ta’ preġudizzju kontriha.
Balzan kompla biex jgħid li l-Kummissarju John Rizzo għamel l-iżball li kellem lis-sors hu stess, bis-sors jiddeċiedi li ma jitkellimx dwar Taliana. Balzan ġie kkuntattjat minn Uffiċjal tal-Pulizija irtirat, li spjegalu x’ġara dakinhar li sarulu l-attakki fuq daru. L-attakk seħħ bejn il-3:30am u 3:45am. L-uffiċjal qal li telaq mill-għassa tal-pulizija fit-3:30am.
L-artiklu kkonċernat ġie ppubblikat wara investigazzjoni li bdiet issir minħabba li ġie arrestat bi żball Darryl Luke Borg – arrest li kien involut fih Elton Taliana. Balzan qal lill-qorti li rċeva dokumenti li juru li Taliana tkellem ma’ Borg u oħrajn marbutin ma’ każijiet ta’ drogi u serq. Balzan kompla billi jgħid li aktar tard sar jaf li ħu Taliana kellu appartament li kien jintuża bħala burdell. Balzan wassal din l-informazzjoni lil Peter Paul Zammit, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien.
Balzan wera wkoll kopji ta’ rapport min-Novembru tal-2007 li juru dikjarazzjoni meħuda mill-Ispettur Taliana mill-Ispettur tal-Pulizija Haber. “L-aktar ħaġa importanti hija li fil-fajl tal-pulizija Taliana jingħad li dan kien qiegħed jaħdem bħala bouncer f’Paceville, li jimporta l-armi tan-nar kif ukoll li kien parti minn ħruq ta’ residenza. Din in-nota inkitbet qabel il-laqgħa tiegħi ma’ Rizzo”.
“Kien biss wara li ħareġ fil-beraħ il-każ ta’ Darryl Luke Borg li ħassejt il-bżonn li ssir referenza għall–każ tal-ħruq tar-residenza. U ma ninsewx ukoll li Taliana ma kienx biss spettur tal-pulizija, imma wkoll membru mis-sigurtà ta’ Ministru fil-Kabinett. Qabel ma kellimx lil Rizzo, ma kontx naf li kien parti mis-sigurtà ta’ Tonio Borg.” Qal Balzan
Balzan wera wkoll numru ta’ ritratti ta’ Taliana fil-kumpanija ta’ bosta kriminali magħrufa. Qal li dawn ir-ritratti kollha jinstabu għand il-pulizija, iżda dawn l-affairjiet xorta jibgħu mistura – u li ma jafx għala ma jsir xejn dwar dan kollu.
Id-difiża staqsiet jekk Balzan jafx meta Taliana nħatar Spettur, b’Balzan iwieġeb li ma jafx, iżda li jaf hu li “ma kienx ħaqqu jitlaħħaq spettur".
Il-każ ikompli.